Petizzjoni: Fr Mark Montebello
minn colin apap

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9288

Fr Colin,

Nixtiequk tippubblika din il-petizzjoni dwar Patri Mark Montebello, dumnikan. Qiegħdin nagħmlu din il-petizzjoni b’solidarjetà ma’ Patri Mark. Min hu interessat jissottoskrivi, nitolbuh jibgħat l-ID card tiegħu. Hemm il-ħsieb li l-petizzjoni tintbagħat lill-ġurnali lokali, u traduzzjoni tagħha bit-Taljan tintbagħat lill-Ordni Dumnikan li qud-diemu Patri Mark irid jidher. Il-kliem tal-petizzjoni hu lajk ħalli jkun jista’ jakkomoda lil kulħadd. Aħna hawn taħt iffirmati, nixtiequ nuru s-solidarjetà tagħna ma’ Patri Mark Montebello. Tajjeb jew ħażin, Patri Mark jaqdi rwol importanti: essenzjali. Dan ir-rwol hu dak ta’ wieħed li jixtarr l-aġir tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet; inkluż ta’ dawk l-awtoritajiet u istituzzjonijiet li wieħed iħobb u jemmen fihom. Anzi, dan hu wieħed mill-modi li bih wieħed jista’ juri l-imħabba tiegħu lejn dawn. Bil-kontra, huma s-silenzju quddiem dak li wieħed jaħseb li mhux sew u l-konformità akkost ta’ kollox li huma ħżiena u jirriflettu irresponsabbiltà.

Jekk il-Kurja jidhrilha li Patri Mark għandu tort f’dak li jgħid, għandha tuża l-bosta mezzi li tista’ tuża u turi fejn hu l-iżball; mhux tuża s-setgħa tagħha biex tifga l-vuċi unika tiegħu. Ir-responsabbiltà finalment dak li timplika, li wieħed ikollu l-kuraġġ u l-abbiltà li jirrispondi u jiddjaloga. Jekk xejn, responsabbiltà lejna ċ-ċittadini li spiss, u minn bosta istituzzjonijiet, aħna stmati bħala nies bla moħħ li ma jafux jaħsbu u/jew li jitħawwadu mix-xejn jekk jismgħu vuċi differenti.

Saħħiet,

Michael Grech

• Huwa tajjeb li kull min għandu rieda tajba biex ifittex il-verità isemma’ leħnu u jgħid kif jaħsibha u għaliex. Djalogu ħaj fil-Knisja Maltija juri ħajja.

Jiena nammira ħafna lil Patri Mark Montebello fl-impenn tiegħu lejn min hu bla vuċi u kif joħroġ għonqu għal min ibati u ma jsib lil ħadd li jaqbeż għalih. Patri Mark huwa l-vuċi ta’ min hu bla vuċi. Dan hu Kristjaneżmu fil-prattika. Ma tantx issib nies li lesti li jitkellmu għax jibżgħu li jirfsu xi kallu ta’ min hu fil-poter. Il-prudenza hija virtù – imma anki l-kuraġġ, l-impenn, l-imħabba huma virtujiet.

Ma nistax nifhem għaliex din l-istorja kellha ssib ruħha fl-ewwel paġna tal-ġurnali.

Ir-riżultat aħħari se jkun “lose-lose situation” u mhux “win-win situation”. Mhu se joħroġ ebda ġid f’polemika pubblika. Issib fuq iż-żewġ naħat lil min jieħu pożizzjoni favur u/jew kontra għas-sempliċi raġuni li jkun diġà ħadha minn qabel. Dan mhux djalogu – imma djalogu bejn it-torox. Għalkemm Alla jista’ jikteb dritt fuq linji mgħawġa imma normalment iħalli l-intelliġenza tal-bnedmin biex iwassal il-messaġġ tiegħU.

Hemm ħafna affarijiet li ma naqbilx ma’ dak li jagħmel jew ma jagħmilx, jgħid jew ma jgħidx Fr Mark. Imma nħarislu d-dritt tiegħu tal-ħsieb u tal-espressjoni ta’ ħsibijietu.

Nifhem li min iħobb il-Knisja, bħalma jħobbha anki Fr Mark, jista’ jinkwieta li ideat li jidhru mhux ortodossi jistgħu jħawdu lill-fidili. U din hi preokuppazzjoni ġusta. L-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu gallerija. Qassis mhux qiegħed hemm biex jgħallem dak li jaħseb imma biex jgħallem dak li tgħallem il-Knisja. Għandu dritt isaqsi dwar ċertu tagħlim u l-mod kif tippreżentah – imma l-ġid komuni tal-Poplu t’Alla jrid ikun imħares ukoll. Opinjoni pubblika ta’ qassis mhix bħal opinjoni pubblika ta’ lajk.

F’Malta “kattolika” tista’ tingħata l-impressjoni li hija l-iskola tal-ħsieb wieħed li hemm post għalih u ħafna drabi dan ikun ħsieb fundamentalista u intolleranti. Uħud, anki fil-Knisja, jaħsbu li huma biss iħobbu l-Knisja u huma biss qiegħdin jgħallmu t-tagħlim ortodoss.

Għandna ħafna qassisin tajbin bħal Fr Mark li jippruvaw iwasslu l-Vanġelu anki lil dawk li qiegħdin jitbiegħdu mill-Knisja għax il-mod ta’ kif qiegħda tkun ippreżentata r-reliġjon jista’ jurta’ bla bżonn.

Petizzjonijiet jistgħu jagħmlu l-ġid imma wkoll iservu biex jirreġidixxu l-ideat u jwebbsu l-qlub u l-imħuħ.

Bħalma għedt drabi oħra, hi l-opinjoni tiegħi personali, li fil-Knisja Maltija hemm bżonn iktar djalogu ġenwin intern – flok noqogħdu nġorru bejnietna u nħarsu mbeżża’ lejn min jista’ jismagħna.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s