Tristia ex Melitogaudo

Il-pubblikazzjoni Tristia ex Melitogaudo, ta’ Joseph Busuttil, Stanley Fiorini u Horatio Caesar Roger Vella, qed iġġib għall-attenzjoni tal-istudjużi u l-qarrejja poeżija tabilħaqq interessanti u kurjuża li tmur lura għas-seklu tnax miktuba bejn wieħed u ieħor, wara l-1135. Dan kien żmien, biex jitpoġġa kollox f’kuntest, meta Ġerba ntrebħet min-Normanni u kien żmien meta Malta kienet ilha sa mill-1127 tagħmel parti mit-territorju u l-Kuruna Normanna. Dik tista’ tgħid li kienet l-era tal-konkwisti ta’ Ruġġieru II, bin il-Konti Ruġġieru li miegħu fid-diskors Malti ma naqsux ukoll il-leġġendi fosthom dik li tana l-lwien tal-bandiera.

Din il-poeżija hija lament u hi miktuba bil-Grieg. Hi l-esperjenza ta’ eżiljat intelletwali li jispiċċa eżiljat f’Għawdex xewqan li jreġġa’ lura l-istat tiegħu. L-istudjużi, bi provi studjati, jaslu għall-konklużjoni li l-awtur tat-test msemmi hu Ewġenju ta’ Palermu li jidher li ma kienx ħafi kemm fl-intellett u kif ukoll fil-materja.

Il-poeżija, li nstabet f’manuskritt li jmur lura għas-seklu erbatax fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Madrid, fiha iktar minn erbat elef vers u tikkonsisti f’mija u dsatax-il faċċata. Kif jafu bosta mill-qarrejja tagħna, l-epoka medjevali Maltija hija nieqsa mid-dokumentazzjoni u għalhekk dan il-manuskritt, tinterpretah kif tinterpretah, jikber fl-importanza tiegħu għax jixħet ftit dawl fuq din il-fażi. It-test, għal dan il-ktieb, ġie annotat u studjat b’mod rigoruż u bla dubju hu ta’ eżempju għal min jixtieq jagħmel xogħol akkademiku serju.

Il-poeżija hija indirizzata lil Ġorġ ta’ Antijoka, il-vizier b’saħħtu ta’ Ruġġieru II li skont il-bijografu Eġizzjan Al Maqrizi miet ta’ disgħin sena fl-1151. L-awtur f’dan il-każ qed jitlob lill-vizier biex jidħol għalih quddiem ir-re biex itemmlu l-eżilju fejn kien ilu għal disa’ snin sħaħ f’disprament. Ħuh ukoll għadda mill-istess esperjenza u jkompli jsostni li ma ngħatax l-awtorizazzjoni li jara l-ommu qabel ma eżiljawh.

Il-poeżija hawnhekk barra li tidher fil-Grieg Klassiku ġiet maqluba wkoll għall-Ingliż mill-Professur Vella li ħafna jafu l-entużjażmu uniku tiegħu għad-dinja Klassika. Mit-traduzzjoni fl-Ingliż, ma nistax ma nikkumentax li ħasra personalment ma nafx l-ilsien oriġinali biex napprezza iktar it-tessut sabiħ li hi mogħnija bih il-poeżija. Dr Joseph Debono, gradwat fl-Istorja u l-Klassiċi kkummenta f’artiklu li kiteb f’The Malta Independent on Sunday, fl-14 ta’ Frar li għadda, li din li għandna f’idejna hi traduzzjoni fidila.

Kif jikkumentaw l-istudjużi ta’ dan it-test, joħroġ ċar minn riferenzi li niltaqgħu magħhom fil-poeżija li l-poeta kellu bagalja kulturali wiesgħa ħafna b’għarfien fit-Teoloġija (ta’ dik il-ħabta), il-Kotba Mqaddsa, id-dinja Griega u Biżantina. Kien ukoll midħla tal-Kodiċi ta’ Ġustinjanu.

Li forsi wara kollox jinteressa l-iktar il-każ tagħna u allura l-istigatur ewlieni għall-pubblikazzjoni tal-proġett kollu hija l-parti fejn il-poeta qed jgħid li wara l-1127, kien hemm komunità żgħira Nisranija u mhux biss imma li dan il-grupp kellu wkoll l-isqof tiegħu. Sal-lum, dejjem inżammet teżi differenti f’dan ir-rigward.

L-awturi ta’ dan il-ktieb kienu ppreżentaw is-sejba tagħhom waqt Konferenza Internazzjonali li saret fl-2006 dwar il-kult Pawlin fir-Rabat. Dan il-ktieb għalhekk jikkontrbwixxi biex ikompli jferrex id-diskussjoni qalb l-istoriċi u l-akkademiċi u dawk kollha interessati dwar jekk inqatgħetx il-linja nisranija mill-wasla ta’ San Pawl f’Malta fis-sena 60 Wara Kristu – episodju li ma naqasx li jkun dibattut ukoll wara kollox – u meta jekk inqatgħet verament din ir-rabta u jekk inqatgħet meta bdiet.

Punt li ser iqum żgur, fl-għarbiel ta’ dan id-dokument, huwa li dan fl-aħħar mil-aħħar hu test letterarju u frankament ma tistax torbot wisq fuqu bħala rappreżentazzjoni b’saħħitha għal dak li qed jirrapreżenta. Imma l-istudjużi ta’ dan it-test jagħtu eżempji ta’ testi li fl-istorja ħadd ma jinnega l-importanza tagħhom fil-kuntest storiku. Anki ser ikun hemm min ma jaqbilx ma’ dawn l-eżempji, żgur li ħadd ma jista’ jinnega li s-sabiħ tar-riċerka huwa din d-diskussjoni. Il-problema tibda meta mal-preżentazzjoni tal-argumenti jiżdied il-kulur, kliem kattiv u l-aġġettivi li mhix f’posthom.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s