Għajn Oħra Lussuża għar-Riċerka Maltija

L-Istitut Malti tal-Istudji Kulturali (MIOCS), li twaqqaf fl-2008, ftit tal-ġimgħat ilu, ippubblika t-tieni edizzjoni tal-Journal of the Monastic Military Orders, editjat minn Dr George Gregory Buttigieg. Hu ppjanat li fl-2010, l-MIOCS joħorġu żewġ pubblikazzjonijiet oħra.

Dan il-proġett jikber fl-importanza tiegħu meta tqis li Malta neqsin sew, minħabba d-daqs tas-suq, minn journals akkademiċi. Fil-qasam tal-Istorja lokali rridu nsemmu l-journal tal-Fondazzjoni Sacra Milita li jġib l-istess isem, Storja tas-Soċjetà Storika tal-Università ta’ Malta u l-Melita Historica tas-Soċjetà Storika Maltija. Wara l-History Weeks, il-Malta Historical Society tippubblika wkoll il-Proceedings of History Week. Id-Dipartiment tal-Istorja fl-Università ta’ Malta qed joħroġ il-Journal of Maltese History imma dak jeżisti biss fil-verżjoni virtwali. Kontributi oħra li ħaqqhom jissemmew huma L-Imnara tal-Għaqda Maltija tal-Folklor, u l-Malta Archeological Review tal- Malta Archeological Society. Il-paradoss f’dan kollu huwa li f’Malta-stat għandna bosta riċerkaturi intelliġenti, b’teżijiet tajbin ħafna, għatxana biex jippubblikaw materjal ġdid u frisk.

Dan il-proġett akkademiku – il-Journal of the Monastic Military Orders- bla dubju qed jimla vojt li ilu snin jinħass. Din l-edizzjoni eleganti u bil-kulur, fiha 130 paġna ta’ għerf li jmissu mas-suġġetti tal-ordnijiet militari monastiċi.

F’din il-pubblikazzjoni nsibu numru ta’ kontribuzzjonijiet akkademiċi interessanti li għandhom isammru l-qarrejja għal numru ta’ sigħat. Bla dubju jispikka l-kontribut ta’ Malcom Barber espert fuq it-Templari. Barber jikteb dwar il-proċessi kontroversjali, li ġabu gelgul ta’ interpretazzjoni mill-istoriċi, li finalment qerdu din l-ordni prestiġġjuża. Barber hu fost l-aqwa studjużi li pproduċa s-seklu għoxrin. Kien ukoll editur tal-Journal of Medieval History u tebagħ diversi pubblikazzjonijiet. Minn barra t-Templari, jikteb u jistudja wkoll dwar il-Katari, u l-Kruċjati u hu interessat b’mod partikulari dwar ir-renju tar-re Franċiż Filippu IV li finalment irnexxilu jimmanuvra l-qerda tat-Templari.

Victor Mallia Milanes jterraq il-vjaġġ tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn Ġerusalemm sa Malta waqt li Catherine Tabone tagħti rendikont interessanti tal-aħħar jiem tal-Gran Mastru Pinto u tar-riti tal-funeral tiegħu. Ma setax jonqos li dinjitarju hekk għoli jkollu funeral kważi bombastiku biex nużaw vokabularju ftit skjett. Pinto kien gran mastru assolut u mexxa b’id tal-ħadid għal tletin sena. Sa mar għall-kuruna magħluqa; simbolu tar-rejiet. Ipprova anki jifrex it-territorju tar-renju tiegħu billi xtaq u pprova jakkwista Korsika.

Ir-realtà imma hi li żmien Pinto kien anki ż-żmien li l-pedamenti tal-Ordni bdew jitheżżu. Minkejja sekli twal ta’ għajnuna lill-pellegrini u d-difiża tal-Kristjanità, l-Ordni kienet affettwata mill-kurrenti rivoluzzjonarji li kienu qed idamdmu l-Kontinent Ewropew. L-ancienne regime kien sar anakroniżmu. L-Ordni iktar ma beda jgħaddi ż-żien iktar beda jsir irrelevanti. Destinu mbagħad kellu jkun żvinat għal kollox bir-revoluzzjoni Franċiża tal-1789. Kif targumenta bi provi Tabone, ir-riti funebri tal-Gran Mastru offrew okkażjoni ideali biex kulħadd jiftakar fil-passat glorjuż u lussuż tal-Ordni.

Michael Ellul jaghti ħarsa dettaljata tal-Infermerija tal-Ordni; il-post-ġawhra li llum hu magħruf minn kulħadd bħala Dar il-Mediterran. Fi żmien, l-Ordni, dak l-isptar kien ġojjell u magħruf għas-servizzi li kien joffri. Wara kollox dak kien l-għan oriġinali fil-bidu tat-twaqqif tal-Ordni: il-ħarsien tal-pellegrini fl-Art Imqaddsa, Michael Galea, li ppubbliak l-bijografiji ta’ divetrsi Fran mastri, jikteb jeżamina wkoll l-irwol tal-Gran Pirjol tal-Knisja Konventwali tal-Ordni ta’ San Gwann u jaghti harsa bijografika qasira fuq kull Gran Pirjol li kellha l-Ordni. Artiklu ieħor interessanti hu dak ta’ Dr George Cassar jiffoka fuq l-ordnijiet militari monastici fl-Art Imqaddsa. Cassar jispejga li dawn fil-veru sens tal-kelma kienu suldati ta’ Kristu.

Fost artikli oħra li nsibu ta’ min isemmi dak ta’ Dr George Gregory Buttigieg li jittracca l-evoluzzjoni tal-fergha militari tal-Ospitallieri, ta’ Dane Munro jaghti harsa lejn il-Patronagg tal-Ordni filwaqt li l-Prof Charles Savona-Ventura janalizza l-effetti tal-Editt Papali tal-1489.

Bla dubju ta’xejn, il-kolletturi tal-Melitensja ma jistgħux jgħaddu mingħajr journal bħal dan.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s