Aħbarijiet | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175

http://www.illum.com.mt/2010/02/28/t11.html


L-akkademiċi wkoll kontra d-deċiżjoni tal-Univerisità dwar l-użu tal-Malti

Charlot Zahra
czahra@maltatoday.com.mt

Jitilgħu għal 1,300 in-nies li qed jipprotestaw fuq facebook dwar id-deċiżjoni tas-Senat tal-Università ta’ Malta li ma jibqax jaċċetta dissertation papers jew karti tal-eżamijiet bil-miktub bl-ilsien Malti. Id-deċiżjoni qajmet furur mhux biss fost l-istudenti nfushom iżda wkoll fost akkademiċi fl-Università u barra minnha.
Adrian Grima, lecturer fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u kittieb ta’ poeżiji, fisser kif l-Università ta’ Malta s’issa kienet għamlet ħafna xogħol utli fejn jidħol l-ilsien Malti.
“Għaldaqstant naħseb li l-Università għandha toqgħod b’seba’ għajnejn li la ċċekken jew tidher li qed iċċekken ir-rwol nazzjonali tal-Malti, kif stabbilit mill-Kostituzzjoni, fl-ogħla istituzzjoni edukattiva tal-pajjiż li l-poplu jħares lejha bħala punt ta’ riferiment,” wissa Grima.
“Għandha wisq inqas tnaffar jew saħansitra ċċaħħad lil dawk li jridu jużaw il-Malti biex javvanzaw fl-istudji tagħhom f’oqsma differenti milli jużawh,” żied jgħid Grima.
“Fuq bażi personali nista’ ngħid li sinċerament la nifhem il-loġika u lanqas l-ispirtu ta’ din id-deċiżjoni li ma kontx naf biha qabel, speċjalment meta tqis l-investiment tal-amministrazzjoni tal-Università fl-istudju u r-riċerka dwar il-lingwa u l-letteratura Maltija,” temm jgħid Grima lil Illum.
Anki Marco Galea, visiting lecturer fl-Univerisità ta’ Malta speċjalizzat fid-drama fil-Malti, wera n-nuqqas ta’ qbil ma’ din id-deċiżjoni l-aktar fid-dawl tal-fatt li l-Università ta’ Malta hi ffinanzjata minn fondi pubbliċi.
“Għandi impressjoni li mhux l-akkademiċi kollha jħossuhom komdi jaqraw bil-Malti, u jekk ikollok eżaminaturi li ma jafux il-Malti sew huma, kif se jkunu ġusti ma’ studenti li jiktbu bil-Malti fl-eżami?” staqsa Galea.
Galea fisser kif jekk l-Università tinvesti aktar fl-eżamijiet “għandha ssib ħafna akkademiċi Maltin li jaħdmu f’universitajiet rispettati barranin li jkunu lesti li jservu ta’ eżaminaturi.
“Inkella jkolli ngħid li dan hu mod kif l-Università tissimplifika l-affarijiet għaliha nfisha u tiffranka l-flus,” saħaq Galea ma’ Illum.
Galea ilmenta ukoll li din id-deċizjoni “tista’ tfixkel l-iżvilupp tal-kitba akkademika bil-Malti ta’ nies li ma jaħdmux fid-Dipartiment tal-Malti, u bħala konsegwenza tfixkel l-iżvilupp tal-Malti bhala lingwa akkademika.
“Naħseb li l-Malti hu pazjent marid fl-akkademja Maltija u l-Università, flok tuża r-riżorsi tagħha biex tipprova tfejqu, qatgħet qalbha minnu u trid tagħtih id-daqqa tal-mewt,” temm jgħid Galea lil Illum.
Carmel Azzopardi, President tal-Akkademja tal-Malti, ukoll ħareġ qatta bla ħabel kontra din id-deċiżjoni.
“Jien kontra kull restrizzjoni fl-użu tal-ilsien Malti f’pajjiżna. Dan jistona aktar u aktar meta r-restrizzjoni ssir fl-ogħla istituzzjoni edukattiva fil-pajjiż,” saħaq Azzopardi meta kkuntattjat minn Illum.
“Nemmen li kull Malti għandu d-dritt li jesprimi ruħu bil-lingwa nazzjonali tiegħu f’kull qasam, inkluż fl-Università,” żied jgħid Azzopardi.
Hu ħabbar li l-Akkademja tal-Malti kienet se tiddiskuti “dan l-iżvilupp fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss u se turi l-fehma tagħha”.

Ir-regoli l-ġodda “ma jeskludux minn qabel” l-użu tal-Malti

Il-Professur Manwel Mifsud, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ilsien Malti, fisser kif
ir-regolamenti kif inhuma ma jeskludix minn qabel l-użu tal-Malti waqt l-eżamijiet u d-dissertations imma hu f’idejn il-bordijiet ta’ studju ta’ kull kors biex jieħdu din id-deċiżjoni.
“Fil-fatt ir-regolamenti tal-Università, billi jridu jiżguraw li xogħol kull student ikun jista’ jiġi miżgħun u apprezzat minn eżaminatur barrani, iħallu f’idejn kull Bord ta’ studju biex jagħmel l-għażla tal-lingwa, basta dan responsabbilment jiżgura lill-awtoritajiet universitarji li jista’ jsib eżaminatur barrani li jkun jista’ jevalwa sewwa x-xogħol tal-istudent,” saħaq Mifsud ma’ Illum.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s