Il-Lingwa Mxattra tal-Letteratura
Adrian Grima

Walid Nabhan, Lura d-Dar, u ġrajjiet oħra li ma ġrawx (Klabb Kotba Maltin, 2009). 92 paġna, €7

Dawn in-novelli b’nisġa kumplessa ta’ psikoloġija, filosofija u politika u ta’ karattri li ma jinsewx – għax ma jistgħux u ma jridux – jistabbilixxu lil Walid Nabhan, Palestinjan imwieled il-Ġordan u llum ċittadin Malti, bħala wieħed mill-awturi l-aktar awtentiċi tal-letteratura Maltija l-ġdida. Nabhan jirrakkonta l-istejjer tiegħu b’intensità emottiva u fl-istess ħin b’ironija, bi stqarrijiet qosra qishom daqqiet u b’ripetizzjonijiet kultant twal u retoriċi. Jirrakkonta stejjer, bħal “Lura d-Dar fir-Ritratt ma’ Bin Laden,” li jqallbulek il-lejl ta’ taħt fuq, għax taf li mhumiex stejjer.

Kultant donnu jersaq lejn il-Malti mill-ġenb, u l-lingwa jxattarha. Iżda l-lingwa tiegħu hija qabelxejn lingwa letterarja, kostruzzjoni tiegħu li għandha l-pedamenti tagħha fl-idjoma attwali imma li jkollha tiffaċċja t-trasformazzjonijiet tal-awtur li kontinwament ifittex il-kelma, il-frażi, ir-ritmu, it-ton, is-sintassi li tesprimi, jew imqar tersaq viċin ħafna li tesprimi dak li jixtieq jesprimi.

Id-dimensjoni l-oħra tal-kitba ta’ Walid Nabhan li tolqot lili hija l-mod kif juża l-metafora, speċjalment fuq medda ta’ paġni, b’mod li jispostja l-idjoma attwali u l-lingwa letterarja stabbilita. Ngħidu aħna, it-tarf tal-miġemgħa nies miġburin madwar il-qabar ta’ Toni fejn hemm Marisa isir it-tarf tad-dinja li bena Toni fi 28 sena. Bejn it-tarf tal-miġemgħa u t-tarf tad-dinja hemm biss virgola. U għalhekk it-trasformazzjoni sseħħ f’tebqa’ t’għajn imma l-effett tagħha jibqa’ qisu seħer fuq l-istorja. Fejn tidħol il-metafora, l-effett li joħloq Walid Nabhan, ġieli permezz tar-ripetizzjoni, huwa iktar qawwi, iktar fit-tul, iktar fundamentali minn dak ta’ bosta strateġiji letterarji oħra.

Meta lesta l-ewwel abbozz ta’ dan il-ktieb, naħseb għall-ħabta ta’ Ottubru tal-2008, it-titlu kien

IL-ĦOFRA
u ġrajjiet oħra li ma ġrawx

“Il-Ħofra” kienet referenza għall-isem tal-ewwel novella, li wara saret “Għadni Ġej minn Hemm,” isem u novella li fil-fatt jirrappreżentaw tajjeb waħda mill-metafori ewlenin tal-ktieb. Toni, Marisa u Emad jiltaqgħu minħabba l-vojt li hemm ġo fihom, jew saħansitra permezz ta’ dak il-vojt. Marisa u Toni trabbew mingħajr familja tradizzjonali f’istitut u Emad kellu jitbiegħed mill-familja tradizzjonali tiegħu minħabba ċ-ċirkostanzi storiċi li sab ruħu fihom. L-ewwel darba li tissemma, il-ħofra hija dik li jniżżlu lil Toni fiha, dik li ma joħroġ minnha ħadd. Imma fis-sentenza ta’ wara n-narratur Emad jestendi mill-ewwel ix-xbieha tal-ħofra għall-qagħda ta’ Toni wara t-tradiment ta’ Marisa, “il-ħofra li għamlitlu f’ħajtu” li “kienet ħafna akbar” u “ħafna aktar mudlama” minn dik li fiha niżżlu lil ġismu; il-ħofra li ħaffritlu Marisa kienet “il-ħin kollu tespandi u titwessa’,” “l-unika ħaġa li aktar ma tieħu minnha aktar tikber.”

Nieħdu l-impressjoni li bħall-ħofra psikoloġika u emozzjonali dejjem tikber ta’ Toni, għal Walid Nabhan, il-memorja u r-rakkont, dawn in-novelli nfushom, huma ħofra li dejjem tespandi, għax “hu u jipprova jifhem xi ġralu, kien qed iwessa’ l-ħofra tiegħu stess mingħajr ma kien konxju x’inhu jagħmel.” F’xena oħra sintomatika tal-proċess ta’ tbattil tal-memorja, Emad jibqa’ ossessjonat bil-mument li fih oħtu Fajruż, fl-ajruport ta’ Amman, tara lilu jinbela’ għal dejjem mit-taraġ mekkanizzat tal-istorja.

L-iktar element li jittikani f’dawn in-novelli huwa r-rappreżentazzjoni sterjotipika tan-nisa, dawk li għandhom “ċippa għall-biki,” dawk li jew jittradixxu, għax ifittxu l-interessi tagħhom, jew iħobbu bla kundizzjonijiet, għax tal-familja, imma aktarx jidhru psikoloġikament dgħajfa.

Imma jibqa’ l-fatt li Walid Nabhan huwa vuċi awtentika ewlenija fil-letteratura Maltija tas-seklu 21 għax jirrakkonta minn pożizzjoni mhux tas-soltu, minn barra, imma bil-lingwa, bl-idjoma, ta’ ġewwa, bħalma qed jagħmlu bosta kittieba immigranti fl-Italja, bħal Hamid Ziarati ta’ Il meccanico delle rose, imwieled l-Iran, u Tahar Lamri ta’ I sessanta nomi dell’amore, imwieled l-Alġerija. Il-perspettiva ta’ Walid Nabhan hija dik ta’ barrani li mhux barrani, ta’ wieħed ta’ ġewwa li mhuwiex għal kollox ta’ ġewwa; huwa rakkont minn barra u fl-istess ħin minn ġewwa.

Għalija Walid Nabhan, wieħed mill-kittieba ewlenin tal-ġenerazzjoni l-ġdida, huwa ta’ ġewwa.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s