Kotba Ġodda mill-Wiseowl Publications

Fl-10 ta’ Frar, 2010 f’The Air Battle for Malta Memorial Hanger, Ta’ Qali saret il-preżentazzjoni uffiċjali għall-pubbliku tal-ajruplan de Havilland Tiger Moth DE730, ajruplan li għadu kemm ġie rrestawrat. Għall-okkażjoni Wise Owl Publications nediet żewġ pubblikazzjonijiet; Destination Malta ta’ Joe Caruana u Screwball Beurling ta’ Brian Cull u Frederick Galea.

Brian Cull ġie Malta apposta għall-okkażjoni u flimkien mal-awturi l-oħra, iffirma l-kotba lil dawk preżenti, f’atmosfera mill-isbaħ quddiem Supermarine Spitfire orriginali. L-iSpitfire jidher ukoll fuq kull qoxra tal-kotba.

Kienet stedina b’invit għal dħul b’xejn fil-Malta Aviation Museum li l-mistiedna laqgħu bil-ferħa. Dawk prezenti kellhom opportunita li jkunu fost l-ewwel li raw l-ajruplan de Havilland Tiger Moth DE730, iltaqaw mal-awturi, kif ukoll ma’ nies bl-istess interessi, waqt riceviment f’atmosfera rilassanti.

DESTINATION MALTA – The Surrender of the Italian Fleet, September 1943 – minn Joseph Caruana. 80 paġna ISBN 978-99932-97-10-9. Wise Owl Publications. €9.99

Għal 3 snin sħaħ il-Mediterran kien żona tal-ġlied bejn il-Flotta Ingliża tal-Mediterran u l-qawwa akbar u aktar b’saħħitha tar-Regia Marina. Il-konflitti kienu kbar. Ir-Royal Navy tiġġieled għall-konvojs resqin lejn Malta, kif ukoll tipprova tgħerreq il-vapuri biex ma jwasslux merkanzija u truppi tal-għadu lejn l-Afrika ta’ Fuq. Aktar kemm twalet u ħraxet il-gwerra aktar intilfu ħajjiet. Il-Mediterranean Fleet kienet immexxija mill-Ammirall Sir Andrew Cunningham, bla dubju wieħed mill-aqwa kmandanti navali wara Nelson. Ir-Royal Navy bdiet tattakka ta’ spiss waqt li l-qawwa navali Taljana żammet aktar lura, bit-tnejn li huma jġarrbu telfiet kbar kemm f’riżorsi kif ukoll f’ħajjiet umani.

Bil-konnessjoni ta’ Malta mal-Flotta Ingliża, kienet ħaġa inevitabbli li bosta Maltin b’xogħol fuq il-vapuri jispiċċaw fil-fruntieri tal-ġlied. Imma ħadd ma kien għadu pprepara lill-Maltin, għall-kobor tal-Flotta Navali Taljana li dehret fuq l-orizzont biex ċediet f’Settembru tal-1943.

Ftit jiem qabel, fi Sqallija, kien ġie ffirmat ftehim sigriet. Skont il-ftehim il-vapuri tal-gwerra Taljani kellhom jersqu lejn port f’alleanza biex iċedu. Cunningham qatt ma ċaħad li dejjem kellu f’moħħu lil Malta. Fi żmien ħmistax, kważi 80 vapur tal-gwerra, inklużi sottomarini, sorġew fil-portijiet u bajjiet Maltin.

Caruana jagħti rendikont fid-dettall ta’ dan l-episodju storiku waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Jiddiskrivi kif l-Ammirall Taljan ipprova jinjora l-ftehim u kien se jieħu l-Flotta Taljana minn Spezia għal destinazzjoni oħra, li żgur ma kinitx Malta. Iżda l-ammirall ma damx ma tilef ħajtu wara li l-bastiment tiegħu, Roma ġie splodut, wara attakk mill-ajru mill Germanizi. B’hekk nistgħu ngħidu li kien b’intervent Ġermaniż li fl-aħħar mill-aħħar ir-Regia Marina ċediet f’Malta.

Caruana jagħti lista tal-vapuri kollha li waslu Malta u jispjega x’sar minnhom wara qbil bejn l-Ingliżi, l-Amerikani u l-Franċiżi. Jagħti wkoll ir-raġuni għaliex uħud mill-vapuri nbidlilhom l-isem għal isem Russu.

Sensiela ta’ ritratti juru l-qawwa navali Taljana qed iċċedi. Hemm ukoll ritratti tal-ftehim aħħari fuq il-vapur HMS Nelson fil-Port il-Kbir fit-23 ta’ Settembru, 1943.

Permezz tal-ktieb ta’ Caruana nistgħu ngħidu li sa fl-aħħar għandna tifkira ta’ dak li seħħ.

SCREWBALL BEURLING – Malta’s Top Scoring Fighter Ace – Brian Cull u Frederick Galea. 168 paġna. ISBN 978-99932-97-35-2. Wise Owl Publications. €16.99

F’Ġunju tal-1942, fost 30 pilota ta’ Spitfires, li taru lejn Malta minn fuq il-carrier HMS Eagle, kien hemm il-Kanadiz George Beurling, żagħżugħ ta’ 21 sena, li f’14-il jum jittajjar fuq Malta kien irnexxielu jikser ir-rekord u jwaqqa 27 ajruplan tal-għadu. L-awturi jagħtu rendikont tal-ġlidiet li kellu, fosthom tul l-erba’ xhur li dam Malta, waqt li jiddeskrivu wkoll il-karattru kumpless tiegħu. Kull min ġie f’kuntatt miegħu ddeskrivih bħala bniedem arroganti, ribelluż, għatxan għad-demm u solitarju. Inkitbu bosta kotba dwaru imma dan huwa bla dubju l-aktar ktieb li jitfa’ dawl fuq min kien verament Beurling. Sparawlu u waqqgħuh kemm-il darba u kont tarah jerġa’ jqum fuq saqajh, sakemm fl-1948 id-destin ma kienx daqshekk ħanin miegħu.

Beurling kiseb bosta unuri tul il-karriera militari tiegħu. Ta’ min isemmi l-għotja tad-Distinguished Service Order u d-Distinguished Flying Cross. Ħa wkoll għal darbtejn id-Distinguished Flying Medal.

L-awturi kitbu bosta kotba dwar l-attakki mill-ajru fuq Malta, li hafna minnhom illum jinstabu out of print. Huma jqisu dan il-ktieb bħala rikonoxximent għall-qlubijja ta’ Beurling, mingħajr ħabi ta’ xejn.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s