L-Isfida għall-Motivazzjoni tal-Impjegati u Tmexxija Aħjar

Dwar hekk u iktar huwa l-ktieb People Engagement for Business excellence and Social Well-being ta’ Tonio Portughese. Bla dubju, l-awtur illum huwa espert dwar is-sistemi u prattiċi fil-management u għamel tajjeb li din l-esperjenza qasamha magħna lkoll u ma’ dawk kollha interessati fis-suġġett li bla dubju jikber fl-importanza fix-xenarju ta’ kriżi Internazzjonali li qed eid-dinja kollha.

Diskors bħal dan li nsibu f’dan il-ktieb jikber fl-importanza tiegħu meta tqis li min hu fin-negozju llum jaf li jrid isib formoli adatti kif ser iħeġġeġ lil dawk li jaħdmu għalih biex ikabbru l-inizzjjattiva tagħhom. F’dan ix-xenarju l-kelma li qed tintuża llum hija empowerment. Ninsabu f’riskju li dan it-tip ta’ lessiku ikun biss diskors minfuħ. Il-ktieb ta’ Tonio Portughese joffri soluzzjonijiet prattiċi dwar dan.

Il-ktieb tal-Kav. Tonio Portughese ġie mniedi fil-Palazz tal-President, taħt il-patroċinju tal-President George Abela, fil-bidu ta’ dan ix-xahar. Il-President li wkoll kiteb daħla għal din il-ktieb, fit-tnedija tal-ktieb sostna korrettament li Portughese qed jaqsam mal-qarrejja tiegħu l-minjiera ta’ esperjenzi li kiseb tul is-snin fil-qasam tar-riżorsi umani u l-komunikazzjoni biex jgħin l-iżvilupp ta’ dawn l-oqsma.

Il-ktieb, sa ċertu punt, huwa wkoll test awtobijografiku fejn l-awtur jitkellem direttament dwar l-esperjenzi tiegħu li hu jsostni kienu importanti għalih biex wassluh fejn jinsab illum. Il-bijografija ta’ Portughese hija bla dubju waħda interessanti u ma jistax jonqos li jagħmel dan il-ktieb iktar interessanti. Hu jgħallem il-management kemm f’Malta kif ukoll f’diversi pajjiżi barranin u okkupa karigi għoljin fit-Tribunal Industrijali, fil-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp, fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, fix-xandir, fl-Universita’ ta’ Malta, fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknologija, fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku u fl-Għaqda ta’ Min Iħaddem.

Kapitlu interessanti – u ħasra mhux miktuba b’iktar dettall – huwa dak dwar l-esperjenzi tal-awtur meta mexxa l-famuż dibattitu televiżiv f’xifer l-elezzjoni kruċjali tal-1981 bejn il-Kap Laburista Dom Mintoff u l-Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami. Kienet epoka ta’ tensjoni kbira. Ir-riżultat ta’ dik l-elezzjoni, perverża għal bosta, kompla żied dik it-tensjoni. Dan il-kapitlu jimla paragrafu ieħor fl-istorja ta’ dawn iż-żewġ persunaġġi li kemm il-bijografija kif ukoll l-awtobijografija tagħhom hi eżistenti. Porthugese jirrakonta kif kien hemm qbil miż-żewġ naħat biex jippresidei dak id-dibattitu politiku. Fl-1992 imbagħad ippresieda d-dibattitu bejn Eddie Fenech Adami li kien sar Prim Ministru fl-1987 u Karmenu Mifsud Bonnici l-Kap Laburista u Kap tal-Oppożizzjoni.

Dan il-ktieb jirrakkonta wkoll it-twaqqif tal-ST f’Malta; pedina importanti fl-istorja ekonomika tan-nazzjon tagħna. Il-magħmudija tan-nar ta’ Portughese bdiet mal-Malta Development Corporation (MDC). Kienet ħabta meta l-Prim Ministru Mintoff kien qed jaħdem biex isib alternattivi għall-ekonomija tas-servizzi. L-inawgurazzjoni tal-ST kellha ssir minn Mintoff imma minflok fl-aħħar minuta hu bagħat bħala delegat tiegħu lill-Ministru Żejtuni Wistin Abela.

Dakinhar l-awtur jistqarr li kienet okażżjoni għalih fejn tgħallem lezzjoni fundamentali fir-relazzjonijiet umani li llum tant huma kumplessi għal kulħadd. Jirrakkonta, kif dakinhar, kien hemm grupp ta’ tfajliet wara l-kanċell li kienu ġew jaraw l-inawgurazzjoni tal-kumpanija mingħajr ma kienu mistiedna. Il-Kap Ezekuttiv tal-kuampanija kien talab biex filfatt dawk l-impjegati jħalluhom jattendu għall-ftuħ tal-post tax-xogħol tagħhom.

Dan hu ktieb li jiftaħ l-għajnejn għal min irid jirnexxi fit-tmexxija tan-negozju tiegħu. Huwa ktieb ukoll għal dawk kollha li huma interessati dwar l-iżvilupp eknomiku ta’ Malta stat.

Alfred Buttigieg intervistat waqt is-Siegħa tal-Kultura

Is-Siegħa tal-Kultura tissokta l-lejla fil-Kamra tal-Mużika fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt fis-7.30 p.m. Illejla l-istudjuż tat-teatru Marco Galea ser jintervista lid-drammaturgu Alfred Buttigieg; wieħed mid-drammaturgi l-iktar validi tas-seklu 20 u 21.

Alfred Buttigieg twieled fl-1956 u beda jippubblika fil-bidu tat-tmeninijiet. Huwa kien ko-fundatur tal-grupp teatrali avangardista Ateatru (1981).

Wara li ħareġ il-ħrafa għall-kbar Gezzu, fl-1984 Buttigieg ħareġ il-ktieb Dik il-Qtajra li kien ġie ċċensurat. Il-lejla ser tkun imnedija edizzjoni limitata ta’ Gezzu.

Fl-1986 kien inħadem id-dramm tiegħu Ir-Rewwixta tal-Qassisin, xogħol li kien qajjem diskussjoni minħabba l-isfond politiku tiegħu u ta’ Malta dak iż-żmien. Id-dramm reġa’ nħadem fit-Teatru Manoel fl-2008 mill-kumpanija valida Unifaun ta’ Adrian Buckle. Fit-teżi tad-dottorat tiegħu bl-isem “Studju dwar Dramm wara l-era Kolonjali f’Malta”, Marco Galea jemmen li dan id-dramm hu “probabbli l-iktar dramm interessanti tas-snin tmenin u kien ukoll l-ewwel dramm storiku importanti li nkiteb u ttella’ bħala produzzjoni teatrali f’Malta minn żmien l-Indipendenza ‘l hawn.”

Xi drammi ta’ Buttigieg, bħal Ilqugħ għad-Dawl inħadmu f’Londra fl-1983. Buttigieg kiteb għadd ta’ drammi għat-tfal u numru ta’ kotba edukattivi.

L-aħħar xogħol tiegħu li ġie ppubblikat huwa d-dramm Ippermettili Nitlaq, li ttella’ fl-2008 fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Fid-dramm kontroversjali ħadu sehem Sharon Bezzina, Angele Cauchi, Stefan Cachia Zammit, Liljana Portelli, Mikhail Basmadjian, Monica Attard, Malcolm Galea u Joe Cortis. Id-dramm ilaqqagħna ma’ koppja miżżewġa li jkollha tarbija li titwieled b’kundizzjoni rari. Il-kirurga tħeġġeġ lill-ġenituri biex jagħtuha perrmess topera fuqha imma n-ners li tkun qiegħda tieħu ħsieb it-tarbija tħoss li jekk joperawha jkunu biss qegħdin jikkundannaw it-tarbija għal ħajja ta’ uġigħ u niket. Immanuel Mifsud idderieġa dan id-dramm intelliġenti.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s