L-istorja legali tas-seklu 19
minn charles dalli

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9137

Kull min jixtieq jiskopri aktar fil-fond l-istorja kostituzzjonali u legali ta’ Malta fis-seklu dsatax, m’għandux jaħsibha darbtejn biex jak-kwista l-ktieb ġdid, xogħol l-istudjuż tal-istorja tal-leġiżlazzjoni Dr Raymond Mangion, li għadu kif kien ippubblikat mill-Malta Uni-versity Press. Il-volum jiġbor fih traskrizzjoni eżatta tal-minuti tal-Kunsill tal-Gvern ta’ Malta minn tmiem Diċembru 1835 sa Awwissu 1849, li jinsabu merfugħin f’kopja unika fil-Librerija tal-Kamra tad-Deputati.

Il-volum jinkludi wkoll Istruzzjonijiet Irjali tal-1835 li waqqfu l-Kunsill, u mbagħad dawk tal-1838 li biddluh, Or-dinanzi li saru bil-ħidma tal-Kunsill, Komunikazzjonijiet Uffiċjali, u Estimi (paġni 333-55). Minbarra dan, l-awtur jintroduċi dan id-dokument importanti tal-istorja kostituzzjonali fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax f’daħla ta’ kważi ħamsin paġna, li fiha hemm deskrizzjoni sħiħa ta’ dan l-ewwel Kunsill tal-gvern taħt il-ħakma kolonjali Ingliża f’dawn il-gżejjer. Il-ħajja tal-Kunsill tawlet taħt it-tmexxija ta’ erba’ gvernaturi differenti, Ponsonby, Bouverie, Stuart u More O’Ferrall.

Il-Kunsill maħluq fl-1 ta’ April 1835 kien magħmul minn seba’ membri kollha nominati, li minnhom kien hemm erba’ membri uffiċjali li kienu l- kmandant anzjan tal-forzi Britanniċi, il-Prim Imħallef, l-Isqof ta’ Malta, u s-Segretarju Ewlieni tal-Gvern kolonjali f’Malta, u tliet membri mhux uffiċjali, magħżulin mill-Gvernatur bħala rap-preżentanti tal-merkanti Britanniċi, il-proprjetarji tal-art u l-kummerċjanti Maltin rispettivament.

Fost dawn tal-aħħar jidhru Nicholas John Aspinall, il-Baruni Giuseppe Maria Depiro, Agostino Portelli, u Gio Batta Schembri. Dawn ma kinux jirrappreżentaw xi partit politiku, iżda l-interessi tas-setturi li kienu ġejjin minnhom – għax kif inhu magħruf, l-ewwel partiti f’Malta kolonjali waslu biss fl-aħħar għoxrin sena tas-seklu dsatax.

Mal-140 mill-144 laqgħa tal-Kunsill saru fis-Sala tal-Arazzi, il-Palazz il-Belt. B’hekk nistgħu ngħidu li nbdiet it-tradizzjoni li aktar tard żvolġiet fl-istrutturi parlamentari moderni. Fost il-membri li kellhom jifformaw l-ewwel Kunsill governattiv li ppermettew l-Ingliżi f’Malta, kien hemm l-Isqof ta’ Malta, il-kap tal-iktar istituzzjoni lokali importanti dak iż-żmien, li l-Ingliżi qagħdu attenti li kemm jista’ jkun ma jiksruhiex magħha.

Madankollu, l-Isqof Mgr. F. S. Caruana kien assenti sa mill-ewwel laqgħa tal-Kunsill fid-29 ta’ Diċembru 1835 kif jidher fil-minuti, għax ma ħassx li kien ħieles li jieħu l-ġurament li dakinhar suppost kellu jittieħed minn kull membru tal-Kunsill, fi kliem ieħor ġurament li jservi b’mod leali l-interessi tal-Kuruna Britannika, mingħajr ma jkollu minn qabel direttivi preċiżi dwar dan mis-Santa Sede. Fil-fatt dan il-pretest wassal biex il-Knisja baqgħet ’il bogħod mill-Kunsill, u qieset id-dis-kussjoni minnu ta’ suġġetti li kienu jolqtuha direttament b’lenti suspettuża għall-aħħar.

Matul l-erbatax-il sena tal-ħajja tal-Kunsill kienu bosta l-mumenti li kixfu t-tensjoni bejn il-Gvern Kolonjali Bri-tanniku, u s-Santa Sede dwar numru ta’ kwistjonijiet li kienu jolqtu mill-qrib lil Malta, u dan kien rifless ukoll fil-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill. B’mod partikolari kien hemm il-famuża Ordinanza I tal-1838 li kellha l-iskop li tirregola l-ħatra minn xi potenza barranija (fi kliem ieħor, is-Santa Sede) ta’ persuni għal karigi, uffiċċji jew benefiċċji ekkleżjastiċi f’Malta u Għaw-dex, dritt li issa kellu jsir wieħed esklussiv tal-ħakkiema kolonjali.

Ma setax jonqos li min-kejja l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet kolonjali Pro-testanti u dawk ekkleżjastiċi Kattoliċi f’Malta, jibda jberraq sew meta l-awtoritajiet sekulari kellhom jgħaddu mill-kliem għall-fatti ħalli jaġġornaw aspetti differenti tal-ħajja Maltija. Fil-fatt, indaħlet Lon-dra fil-pront u dan wassal biex il-Gvernatur Bouverie ma ppromulgax l-Ordinanza, iżda l-Kunsill min-naħa l-oħra lanqas irrevokaha. Deċiżjoni tal-Kunsill b’rabta mal-Kodiċi Penali kienet l-ordinanza dwar l-amministrazzjoni ta’ fundazzjonijiet ta’ karità, li qajmet oppożizzjoni sħiħa mill-Knisja lokali, tant li Londra intervjeniet biex tissospendi l-leġiżlazzjoni li kienet saret.

Matul il-ħajja tal-Kunsill kienu diskussi kemm-il darba r-regolamenti li kienu jolqtu d-denominazzjonijiet differenti, fosthom il-Knisja Anglikana f’Malta, il-Knisja Skoċċiża, u l-Quakers. Jidher li kien hemm xi oppożizzjoni minn membri Maltin fil-Kunsill meta, b’rabta mat-tneħħija taċ-ċensura, il-Knisja Kattolika tqiegħdet it-tielet fil-lista ta’ reliġjonijiet protetti skont il-liġi tal-libell wara l-Knisja Anglikana u dik Skoċċiża.

M’għandniex xi ngħidu, ma jingħatawx id-dettalji kollha dwar l-inkwiet bejn il-Knisja u l-istat kolonjali f’dawn il-minuti. L-istess kif ma jin-stabux referenzi fil-minuti għall-irvellijiet tal-Karnival tal-1846, kif jinnutaw Dr Mangion u l-editur ġenerali tas-sensiela Prof Henry Frendo f’daħla qasira għal dan il-volum. Kienu żminijiet ta’ taqlib politiku kbir li raw il-bidu tal-problemi tal-eżiljati Taljani f’Malta, u l-konsegwenzi tar-Risorġiment Taljan bieb u għatba ’l bogħod minn Malta.

Ma naqasx li l-libertà tal-istampa fetħet beraħ l-istituzzjonijiet ewlenin anke għal kritika bla rażan, u l-istampa f’Malta, Maltija jew barranija, kellha ħafna x’titgħallem dwar dan.

Minkejja n-nuqqas tal-prinċipju elettiv, li ddaħħal biss fl-1849, il-Kunsill qeda rwol leġislattiv sinifikanti bejn is-snin 1835 u 1849, u dan joħroġ fiċ-ċar meta wieħed iqis il-l-ordinanzi li saru bil-ħidma tiegħu. Fost dawn insibu l-ordinanza biex titneħħa ċ-ċensura, u biex konsegwentement jitrażżnu l-abbużi li setgħu jiġru bil-ħelsien tal-istampa, li tfasslet l-ewwel darba fl-1836; ordinanza tal-1837 li kellha tirregola l-ħatriet għal karigi jew benefiċċji ekkleżjastiċi; miżuri meħudin dik is-sena biex titwaqqaf il-imxija tal-kolera; ordinanza tal-1839 dwar il-bejgħ tal-qmuħ; ordinanza tal-1840 li kellha tbiddel il-kostituzzjoni tal-Qorti Kriminali; u regolamenti ġodda ta’ taxxi b’rabta ma’ importazzjoni ta’ merkanzija.

L-ordinanzi mressqa u diskussi jirriflettu bosta oqsma tal-ħajja. Ordinanza tal-1838 kienet intiża biex trażżan il-produzzjoni lokali ta’ spirti, waqt li s-sena ta’ wara tneħħiet liġi li kienet tipprojbixxi l-bejgħ ta’ xorb alkoħoliku lill-baħrin. Fl-1839 tneħħa l-uffiċċju ta’ maġistrat tas-suq, kariga li kienet ilha teżisti f’dawn il-Gżejjer mill-Medju Evu permezz tal-akkatapani, u l-funzjoni ta’ sorvejlar għaddiet f’idejn il-Pulizija.

Interessanti li tliet snin wara għaddiet ukoll ordinanza dwar id-danni li kienu jsofru l-bdiewa fir-raba’, problema li wkoll teħodna lura għal mijiet ta’ snin. Il-Kunsill irregola l-importazzjoni u l-bejgħ tal-faħam, filwaqt li nsibuh ukoll jiddiskuti d-drapp tal-qoton, fost prodotti differenti tal-kummerċ.

Fost il-materji ta’ importanza soċjali msemmija fil-minuti, wieħed isib il-legati taż-żwieġ u l-problema taż-żwiġijiet klandestini; kif ukoll l-istadji fil-proċess ta’ naturalizzazzjoni. Fl-ambitu ta’ ħidma tal-Kunsill, sar tibdil estensiv f’xi karigi amministrattivi, fil-waqt li ssaħħew is-setgħat tal-Pulizija. Jissemmew karigi ewlenin fl-amministrazzjoni, fejn jispikka l-Awditur ġenerali.

Jispikkaw ukoll aspetti ta’ Malta bħala kolonja fortizza tal-imperu, fosthom referenzi għall-awtoritajiet militari, riġmenti differenti stazzjonati lokalment, u l-istabbilimenti navali. Fost l-aspetti ta’ ħajja ekonomika msemmija fil-minuti, hemm regolamenti b’rabta mal-muniti li kienu jiċċirkolaw fl-idejn, fosthom id-dollaru ta’ Sqallija u dak tal-Amerika Latina, fil-waqt li jissemmew ukoll żewġ banek bikrija, l-Anglo-Maltese Bank u l-Bank of Malta.

Il-Kunsill ħa ħsieb diversi aspetti tal-infrastruttura lokali, fosthom it-toroq, l-iskejjel, il-provvista tal-ilma, il-faċilitajiet tal-kwarantina, is-settur tas-saħħa mentali, u regolamenti dwar il-proprjetà. Għadd kbir ta’ referenzi jikkonċernaw il-Belt Valletta, iżda jissemmew ukoll il-bliet tal-Kottonera, xi subborgi bħal San Giuseppe kif kien magħruf il-Ħamrun, u lokalitajiet f’Għawdex.

Fost il-proġetti kapitali dis-kussi, kien hemm moll ġdid fil-Port il-Kbir, tibdil fl-isptarijiet fosthom dak tas-saħħa mentali, u t-tnedija ta’ spiżeriji tal-Gvern; titjib f’dik li kienet tissejjaħ Casa d’Industria; il-ftuħ ta’ dar għall-foqra f’Għawdex; il-bini ta’ mħażen fil-port u t-tħaffir ta’ fosos ġodda għall-ħażna tal-qamħ fil-Furjana.

Kien ukoll il-Kunsill li fl-1849 għadda ordinanza biex jitwaqqaf il-ħabs ta’ Kordin. Ta’ min isemmi wkoll tibdil li sar fil-bini tat-Teżor fil-Belt (illum il-Casino Maltese) fejn ħareġ il-permess għal numru ta’ negozji fil-pjan terran.

Il-Kunsill tal-1835 kien rikonoxximent min-naħa tal-awtoritajiet kolonjali li l-gżejjer Maltin kellhom jitmexxew aħjar permezz ta’ involviment lokali. B’hekk beda jitwarrab bil-mod il-preġudizzju mistqarr fl-1812 li l-Maltin kienu ‘singularly unfit’ għat-tmexxija politika ta’ ħwejjiġhom stess. Dan kien atteġġjament razzist li serva sew l-interessi tal-Kuruna f’kolonja li kienet fortizza tal-imperu.

Minkejja li kien jonqos li jsiru bosta passi importanti fl-istorja tal-progress kostituzzjonali ta’ Malta, bil-kostituzzjoni tal-1849 u mbagħad dik tal-1887, u t-triq lejn il-Gvern Responsabbli tal-1921 kienet ferm twila, l-Kunsill tal-1835 kien l-ew-wel pass fid-direzzjoni ta’ responsabbiltà politika Maltija.

Dan il-volum għandu jkun f’idejn l-istudenti u l-għalliema tal-istorja. L-Università li hi l-pubblikatur tad-Documentary Sources of Maltese History kompliet tikkonferma l-kontribut ewlieni tagħha għall-kultura storika ta’ Malta b’volum li qed iniedi wkoll fergħa ġdida tas-sensiela li ilu jinħass il-bżonn tagħha, dik dwar dokumenti kostituzzjonali u leġiżlattivi Maltin tal-imgħoddi.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s