Il-ħajja soċjali tal-Maltin
minn mark montebello

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9132

Ftit ilu xxandar il-ktieb “Social Transitions in Maltese Society”, editjat minn JosAnn Cutajar u George Cassar, u ppubblikat minn Agenda. Il-ktieb huwa ġabra ta’ sittax-il artiklu dwar il-ħajja soċjali tal-Maltin u l-bidliet li seħħew fiha matul is-snin, partikolarment f’dawn l-aħħar iż-żminijiet. Qed inġibu għall-attenzjoni tiegħek għax jidhirli li hu ktieb sabiħ u jixraqlu attenzjoni wiesgħa.

Is-soċjetà Maltija

Proprjament, il-ktieb inħaseb għall-istudenti Maltin tas-Soċjoloġija, jiġifieri l-istudju tas-soċjetà. Oħroġ il-għaġeb, jidher li dawn l-istudenti ħafna drabi aktar jitgħallmu dwar soċjetajiet barranin milli dwar is-soċjetà tagħna l-Maltin! Dan il-ktieb sar biex jimla xi ftit dan il-vojt u jgħallem lill-istudenti Maltin ħwejjeġ dwar is-soċjetà li fiha jgħixu u jikbru.

Mhux għax hu ħażin titgħallem dwar soċjetajiet barranin. Għax studju bħal dan hu dejjem siewi. Imma mhux li, fl-istess waqt, tħalli l-istudju tas-soċjetà Maltija għal riħu! Tajjeb li nkunu nafu dwar popli barranin daqskemm hu tajjeb li nkunu nafu dwar il-poplu tagħna stess.

Dan il-ktieb il-ġdid żgur li jista’ jservi għal dan. Fih artikli nteressanti ferm dwar iċ-ċittadinanza, il-familji, l-edukazzjoni, il-midja, ir-reliġjon, il-politika, il-ġustizzja kriminali, iż-żgħażagħ, il-popolazzjoni, l-ugwaljanza, il-faqar, kwistjonijiet soċjo-bioloġiċi, l-ambjent, l-iżvilupp, u l-ekonomija. Kollha f’relazzjoni mas-soċjetà tagħna l-Maltin.

Il-fenomenu reliġjuż

Il-parti tar-reliġjon nikteb dwarha jien. Oriġinarjament, l-artiklu ktibtu bil-Malti, imbagħad inqaleb għall-Ingliż mill-edituri. Fih nittratta l-fenomenu reliġjuż fil-gżejjer Maltin, sa mill-ibgħad żminijiet sal-lum. L-aktar li nittratta hija l-bidla li tidher li seħħet fit-twemmin reliġjuż tal-Maltin f’dawn l-aħħar erbgħin sena, b’indikazzjonijiet tal-istat ta’ dan il-fenomenu llum.

F’dan l-artiklu, jinteres-sawni mhux biss il-kawżi li wasslu għas-sitwazzjoni tallum, imma wkoll l-istħarriġ tal-fenomenu reliġjuż fil-gżejjer Maltin illum. L-istess artiklu xandartu fil-verżjoni oriġinali tiegħu ftit tal-ġim-għat ilu f’din il-gazzetta stess.

Fi ftit kliem, huwa artiklu li jorbot mat-temi l-oħrajn li jkunu trattati fil-ktieb. Xi wħud mill-artikli l-oħrajn huma interessanti ħafna u jitfgħu dawl qawwi fuq il-ħajja li qiegħdin ngħixu llum fil-gżejjer tagħna. F’dawn l-artikli wieħed jiskopri bosta ħwejjeġ interessanti li forsi mad-daqqa t’għajn wieħed ma jagħtix kashom. Li jaqra dwarhom ifisser li jifhem aħjar mhux biss il-ħajja tagħna l-Maltin, imma lilna stess u l-karattru nazzjonali (ftit stramb) tagħna.

Għodda ta’ emanċipazzjoni

Ktieb bħal dan huwa ħasra li hu bl-Ingliż biss. Naturalment, b’dan il-mod, barra li għall-Maltin li jaqraw bl-Ingliż, jista’ jkun aċċessibbli għall-barranin ukoll. Iżda l-Maltin li ma jaqrawx bl-Ingliż għala suġġetti interessanti bħalma għandu l-ktieb ma jistgħux ikollhom aċċess għalihom? Forsi tkun idea tajba li l-edituri jieħdu ħsieb li jħejju pubblikazzjoni oħra b’verżjonijiet imqassra tal-istess artikli bil-Malti. Forsi anki bix-xbihat.

Suġġetti bħalma fih dan il-ktieb ma jinteressawx lill-pubbliku għal skopijiet ta’ studju biss, imma fuq kollox ħalli nkomplu flimkien nistħarrġu lilna nfusna u nkunu mgħejjuna nkomplu niżviluppaw is-soċjetà tagħna. Il-ħtieġa ta’ riflessjonijiet intelliġenti hija qawwija fostna, speċjalment meta wieħed iqis li wieħed mill-ftit mezzi mifruxa ta’ tagħlim pubbliku huwa t-televiżjoni, li ħafna drabi ma joffrix riflessjonijiet ta’ dan it-tip.

Jeħtieġ li l-poplu tagħna jkompli jitgħallem, mhux dwar ħwejjeġ li ma jgħinux l-iżvilupp ta’ ħsiebu, imma aktar u aktar dwar ħwejjeġ li jagħtuh għodod ta’ maturità u emanċipazzjoni.

Dan il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet kollha tal-Agenda.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s