Kontra l-impożizzjoni, kontra l-ksuħat, Grupp 29
minn charles flores

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9135

Kollox fih it-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Il-fenominu tal-internet mhux nieqes miż-żewġ attrubwiti. Waqt li ħoloq dinja ġdida ta’ komunikazzjoni u xmara ma tieqaf qatt ta’ aħbarijiet u informazzjoni, qed ikun ukoll għajn kbira ta’ tixrid ta’ velenu kif ta’ kuljum naraw fuq il-bloggs popolari. U ma nqarrqux bina nfusna, anki dawn il-bloggs huma manipulati u ċensurati minn nies moħbija x’imkien jistennew il-messaġġi tiegħek biex “japprovawhom” jew le.

Fil-jiem li għaddew fortu-natament, u tista’ tgħid spontanjament, nibet grupp imdaqqas ta’ kittieba, artisti, akkademiċi u ħaddiema li issa beda jsejjaħ lilu nnifsu Grupp 29 (in-numru jindika l-għadd ta’ firmatarji fl-ewwel stqarrija li ħarġet kontra l-impożizzjoni taċ-ċensura f’pajjiżna). Dan ġara waqt u wara l-buffunata li wettqet il-Pulizija b’konnessjoni mal-mużika Rock fil-Karnival tan-Nadur meta xi ħadd li forsi jsejjaħ lilu nnifsu “moralista tradizzjonali” l-ewwel iddeċieda li jrid jara l-versi tal-kanzunetti li kellhom ikantaw il-gruppi Rock waqt il-Karnival, imbagħad bidel id-diska malli qamet mewġa kbira ta’ protesta minn dawk li onestament jemmnu fil-libertà tal-espressjoni.

Inħossni kburi li ninsab f’dan il-grupp. Iżda meta taqra ċerti reazzjonijiet f’ċerti bloggs tintebaħ bil-velenu li għad hemm inawwar il-vini ta’ xi wħud li ma jridux jaraw lil pajjiżna jinqata’ mill-għanqbut u l-preġudizzji tal-imgħoddi biex forsi finalment jidħol fis-Seklu 21. L-isfortuna hi li nies b’din il-mentalità miskina ssibhom f’postijiet ta’ tmexxija grazzi għal dan il-gvern li b’fomm jgħid kemm jirrispetta l-jeddijiet tal-bniedem u b’fomm ieħor jilgħabha tal-verġni u martri f’isem il-bqija tal-Ewropa persekutata!

Il-bloggers tal-velenu mill-ewwel jixprunaw id-dwiefer meta stqarrijiet bħal dawk ta’ Grupp 29 jitwasslu lill-pubbliku. Arahom jinterpretaw u jimmiżinterpretaw l-għanijiet ta’ dawn iċ-ċittadini preokkupati bl-iżviluppi negattivi li seħħew f’dawn l-aħħar xhur u snin li matulhom rajna xogħlijiet għall-palk jitwaqqfu, kitbiet iċċensurati, films imwarrba, edituri żgħażagħ mhedda bil-ħabs, mużiċisti żgħażagħ imċaħħda mil-libertà tal-espressjoni u episodji koroh bħal dawn li jagħmlu minn ġensna l-akbar ċajta dinjija.

Fost il-kummenti l-aktar assurdi u manijaċi kien hemm l-akkuża li l-Grupp 29 u għaqdiet u individwi bl-istess inkwiet iridu joħolqu ambjent ta’ “libertinaġġ”, ikattru “l-vulgarità” u jxerrdu “l-mużika tax-xitan”. Tismagħhom biss taħseb li reġġajna l-arloġġ lura b’għexieren kbar ta’ snin meta t-Teddy Boys suppost li kienu se jfarrku s-soċjetà (ħamsinijiet), meta l-moviment ta’ protesta – mużika folk/rock, letteratura, arti u politika — kien se joħloq kriżi ta’ kuxjenza reliġjuża u patrijottika (Sittinijiet), meta l-Punk u l-Heavy Metal ma kinux ħlief “vojtaġni diż-gustanti” (Sebgħinijiet) u meta, wara li qatlu lil John Lennon, il-kreattività artistika/mużikali għaddiet mill-“aħna” għall-“jien” (Tmeninijiet/Disgħinijiet).

L-aktar blogger bravu saħansitra nsista li l-mu-żika Rock għandha tkun ibbannjata. Tiskanta kif dawk li “jimmoderaw” il-blogs ħallewha tidher din meta hu magħruf kemm kummenti jaslulhom u ma jħalluhomx jaraw id-dawl tax-xemx.

Il-Grupp 29, li issa hu magħmul minn għadd dejjem jikber ta’ ċittadini fi ħdanu, mhux qiegħed hemm biex irewwaħ lil xi ħadd jew xi partit. Tant hu hekk li hu magħmul minn kittieba, artisti, akkademiċi u ħaddiema ta’ fehmiet u inklinazzjonijiet politiċi differenti. Li tgħaqqadhom hi l-ħerqa tagħhom li ma jħallux tikber it-theddida għal-libertà tal-espressjoni li qiegħdin nassistu għaliha bħalissa f’dan il-pajjiż.

Ħadd minna ma jrid ksuħat, la fi żmien il-Karnival u lanqas f’perjodi oħra tas-sena. Ħadd minna ma jrid jara lil min joffendi s-sentimenti ta’ oħrajn bl-atteġġjament tiegħu. Ħadd minna ma jrid il-vulgarità u l-medjokrità jikluna. Iżda rridu noqogħdu attenti li bl-iskuża ta’ dawn il-biżgħat ma jkunx hawn min joqtol l-ispirtu ġenwin tal-libertà li aħna suppost imberkin bih bħala nazzjon.

Seħħew wisq ħwejjeġ koroh bl-appoġġ ovvju tal-awtoritajiet biex ma jkunx hawn dan is-sens qawwi ta’ preokkupazzjoni. Talanqas issa jafu li hawn min qed josserva kollox b’għajnejn ta’ seqer.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s