L-Essenzjali ta’ Achille Mizzi

Fit-2 ta’ Frar li għadda, il-poeta Achille Mizzi nieda l-ġabra ta’ poeżiji The Essentials; ħodon poeżiji tal-poeta maqluba għall-Ingliż mill-Professur Peter Serracino Inglott. Achille Mizzi, bla l-iċken dubju, huwa wieħed mill-aqwa poeti li għandna f’Malta l-lum u l-laqgħa tiegħu ma’ Serracino Inglott f’dan il-ktieb bla dubju hi ċelebrazzjoni sublimi ta’ poeta ewlieni Malti ta’ żmienna.

Ftit poeti jafu jilagħbu bil-kliem daqsu u joħolqu waqtiet rari poetiċi fis-sens strett tal-kelma. Dawn il-kampjuni jikkonfermaw b’mod ċar li qed ngħid:

Ejja …
Nistenniek
Fuq id-dwieb tan-nirien,
Bl-arpa f’xuxti ntiru flimkien
Fl-għadira ta’ ħolma bla tmiem.

(L-Għanja ta’ Mara)

Taħt il-kannizzati tiegħek
Li jqattru eliżir
Bl-inbejjed ta’ mħabbtek
Nixxaħħaħ Mulej …
(Kalċi)

Mizzi, bħal Mario Azzopardi u Albert Marshall fost grupp imdaqqas oħra, kien wieħed mill-poeti li fis-snin sittin kien impenjat biex il-poeżija Maltija ma tibqax ankrata fil-mudell Dun Karmjan. Kien wasal iż-żmien tal-aġġornament għax inkella kien hemm ir-riskju li l-iskadenza tirbaħ fuq kollox. Kienet poeżija li setgħet dehret bombastika għal xi wħud. Sa kien hemm min tmeżmeż bl-ikrah u din il-poeżija ġdida, għax skont hu ambigwa, raha ostaklu fl-iżvilupp tal-letteratura Maltija. Imma fl-aħħar mill-aħħar dik kienet it-triq naturali biex il-poeżija toħroġ mill-friża taż-żmien. Iż-żmien tahom raġun u jgħidu x’jħidu dawk il-kurrenti kuntrarji, kienet epoka rinaxximentali għall-poeżija; epoka li sal-lum għandna nixxenqu għaliha sa ċertu punt.

The Essentials tista’ tgħid li tiġbor il-poeżiji klassiċi f’sens wiesgħa ta’ Mizzi. Poeżiji bħal Il-Kantiku tad-Demm, Ariżona, Enigma Variations, Ilsien tan-Nar, Arlekkin, Vespri u La Noche Oscura iżewqu din il-ġabra mill-aqwa. Din il-ġabra qed tasal fi żmien meta l-pajjiż qed jitkellem fuq il-bżonn ta’ Politika Kulturali għal Malta u meta l-qasam tal-poeżija hu inċert tant li snin twal wara l-Moviment Qawmien Letterarju, xandir kostanti mir-Redifusion u minn dak li ġie wara b’riħet il-pluraliżmu għandu ma nstab l-ebda mezz biex il-poeżija tkun fuq sisien soda.

The Essentials tikkonferma l-ġenju ta’ poeta li jilgħab bil-kliem b’mod ta’ artiġġjan. Hu nnifsu jagħti din l-awto-ritratt tiegħu:

Senduq ġojjelli l-kliem għalija.
Fil-monti
Nassaġġjah bil-fantasija.
Bil-boll ta’ senegħti nimmarkalu
l-irfinar
tal-karati
(Gymnasion)

Is-sengħa tat-traduzzjoni tilħaq qċaċet għolja fil-prodott finali ta’ Serracino Inglott. Xogħol Serracino Inglott bla dubju jirdoppja fil-valur meta taħseb li Mizzi mhux faċli biex titraduċċieh jekk ma jkollokx is-sengħa. Serracino Inglott iwaqqa’ kull teoriji li jibnu x-xettiċi li l-poeżija ma tistax maqluba minn lingwa għall-oħra jew inkella preġudizzji kontra l-Malti.

The Essentials hi ġabra li għandha tkun għand dawk kollha li jħobbu l-poeżiji. Hi tagħlima bla dubju għal dawk kollha li jaspiraw li jimxu fit-triq tal-poeżija.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s