Riflessjonijiet dwar il-Każ Mark Camilleri

Il-polemika li ħolqot in-novella ta’ Alex Vella Gera Li Tkisser Sewwi, dan l-aħħar, ħadet żvolta ġdida meta ssemma l-fatt li l-editur ta’ Realtà ser jitressaq il-qorti u anki ssemmiet il-maġistrat quddiem min ser jidher Mark Camilleri.

In-novella ġabet spektrum sħiħ ta’ ideat fejn ma naqsitx li tiddomina l-konfużjoni. Kien hemm min ippronunzja ruħu fuq naħa jew oħra mingħajr biss ma qraha. Kien hemm konfużjoni totali dwar il-ġeneru ta’ kitba. Ħafna qed isejħulha artiklu meta filfatt hi novella; paradossalment anki min iddefenda lil Camilleri u lil Vella Gera.
Ħasra li anki min suppost jaf iktar mhux jagħmel din id-distinzjoni bażika. Distinzjoni bħal din tibdel bla dubju ċerti sfumaturi fid-dibattitu kollu. Kienet interessanti l-mewġa li qamet fuq il-blogs fejn b’mod ġenerali ntweriet is-solidarjetà sħiħa mal-editur u l-awtur. Anki hemm spikka l-każ li kien hemm nuqqas ta’ qari tat-test. Kif osserva l-poeta Mario Azzopardi waqt diskussjoni li saret waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb 2009, il-bloggers iddominaw kemm felħu l-pjattaforma tad-diskussjoni dwar il-każ u kien hemm ċertu silenzju mill-awturi. Almenu sa dak iż-żmien. L-editur ta’ It-Torċa ġustament qajjem il-punt kif in-novella dehret ukoll fil-blogg ta’ Daphne imma dan il-fattur ma ġibidx l-attenzjoni tal-korp tal-pulizija.

Il-ġimgħa li għaddiet 29 awtur ngħaqdu flimkien u ħarġu stqarrija li ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta ġurnalisti wkoll. Dawn l-awturi, li jvarjaw fl-età u l-esperjenza, urew ruħhom kontra “t-trażżin istituzzjonalizzat tal-espressjoni ħielsa f’pajjiżna.”

Argument ċentrali fil-pożiżżjoni tal-awturi kien li ma jistgħux jaċċettaw “l-implikazzjonijiet ta’ xi setgħa li teħodha fuqha nnifisha li tgħarbel u tiddeċiedi x’jista’ jinqara u x’ma jistax. F’Malta Ewropea tas-seklu wieħed u għoxrin, l-espressjoni għandha tkun ħielsa. Atti ta’ ċensura artistika jitfgħu dubji serji fuq ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali salvagwardjati fil-Kostituzzjoni.”

L-awturi sejħu għall-bidliet fil-liġijiet li huma sejħulhom antikwati “li jistgħu b’xi mod itellfu din il-libertà.” Huma talbu li “b’mod immedjat titwaqqaf kull prosekuzzjoni mill-pulizija li għandha x’taqsam ma’ dawn il-liġijiet antikwati.”

Din l-idea tar-reviżjoni ssemmiet ukoll fi tmiem il-ġimgħa fi stqarrija li ħarġet il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti. Il-Kunsill sostna wkoll li l-qasam artistiku u kulturali għandu jiżviluppa bl-aktar mod liberu possibbli.
Wisq probabbli l-qarrej qed jistaqsi u jistenna mingħandi l-pożiżżjoni tiegħi dwar il-kitba ta’ Vella Gera. Għalija mhi xejn u ma ħaqqhiex din l-attenzjoni kollha li qed tingħata u hu żbaljat l-istorbju li qed isir dwarha. Kien hemm spekulazzjoni li jien ma nemminihiex li l-awtur kiteb dak it-test għax l-ewwel żewġ kotba tiegħu Lilhinn mill-Jien u Żewġ fallew fil-bejgħ u allura ħoloq strateġija biex f’daqqa waħda jinħoloq xi skandlu biex il-kotba jinbiegħu f’tebqa’ ta’ għajn.

Nemmen li l-punt kruċjali kollu f’dan id-dibattitu li mill-ġdid mhux jissemma biżżejjed hu lejn liema direzzjoni ser nimxu bħala nazzjon-stat. Dan hu pajjiż li sitt snin ilu fuq l-aġenda tiegħu tella’ s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, xi rwol ser jieħu l-korp tal-pulizija fi kwistjonijiet bħal dan? Tgħid ser nispiċċaw bil-pulizija wara bieb l-artisti? Tgħid ser nassistu issa għall-kaċċa għall-pubblikaturi? Dawn huma mistoqsijiet li ż-żmien biss jista’ jwieġeb għalihom. Żgur li ma nistgħux inreġġgħu l-arloġġ lura għaż-żmien il-persekuzzjonijiet.

Il-każ ikompli jikkomplika ruħu meta f’tal-inqas żewġ ġażżetti tal-Ħadd tal-aħħar ħmistax qrajna li hemm il-ħsieb min-naħa tal-gvern li jibdel il-liġijiet eżistenti maċ-ċensura. F’The Sunday Times intużat il-kelma revamp.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s