Sur Editur,

Ippermettili ngħid tiegħi fir-rigward tal-korrispondenza Ċensura u Letteratura mibgħuta minn Alfred Massa u li dehret f’dan il-ġurnal il-Ħadd 10 ta’ Jannar 2010. Ta’ ġentlom li hu s-Sur Massa nassumi li ma jiddejjaqx li nuri ruħi kuntrarju għall-fehma tiegħu u għal dik espressa mill-ħabib tiegħi s-Sur Carmel Scicluna.

Fil-każ Mark Camilleri, li qed ikun diskuss bħalissa, fejn kulħadd qed jgħid tiegħu l-ħaġa qed issir tixbah pantomina grotteska li ma tafx lil min għandek titħassar fil-verità. Il-punt li donnu Massa u oħrajn li jħaddnu l-fehma tiegħu li jien insejħilha pwerili, mhux iqisu hu l-implikazzjonijiet serji wara dan il-każ.

Għax kieku l-awtur tana xokk u kollox waqaf hemm, konna nittrattawh bħala l-każ impazjenti ta’ awtur li ried jagħmel isem f’tebqa t’għajn. Imma issa, biex il-bezzun ikompli jagħqad u jikkomplika ruħu, sirna nafu li l-pulizija ma għadhiex iktar taħsibha tiħux passi kontra l-editur Mark Camilleri li tebagħ il-kitba ta’ Alex Vella Gera imma ddeċidiet li ser tieħu passi bil-Liġi u sa ssemma anki isem il-maġistrat li quddiemha ser jidher Camilleri.

Il-każ kollu mhux it-test innifsu ta’ Vella Gera li fil-fehma tiegħi mhu letterarju xejn imma l-azzjoni nnifisha li tinvolvi l-pulizija li tfakkrek fir-reġimi dittatorjali lesti biex jagħlqu lil dawk kollha li jheżżu xi ftit in-normalità. Mingħalija Malta l-aħħar darba li saret ħaġa bħal din kien fis-sebgħinijiet meta arrestaw lil Joe Calleja, l-editur tal-gazzetta In-Niggieża li kienet tissatirizza bla nifs l-gvernijiet ta’ Mintoff.

Kul min b’xi mod qed josserva dan il-każ ma jistax ma jistaqsix xi jmiss issa ġaladarba Camilleri jittella’ l-qorti u jagħmluh vittma. Lejn liema direzzjoni ser timxi din l-art li sitt snin ilu kienet qed tippretendi bi dritt li tidħol fl-Unjoni Ewropea u issa qed treġġa’ l-arloġġ lura?

Ser nispiċċaw bil-pulizija wara bieb l-artisti jarrestaw lil dawk kollha li b’xi mod ma jimxux mal-morali kif jifhimha l-korp tal-pulizija jew tal-inqas il-Kunnissarju tal-Pulizija fejn f’The Sunday Circle ta’ Jannar mistoqsi mill-editriċi Sandra Aquilina dwar il-każ stqarr li I suppose I am an old-school moralist. Mistoqsi jekk jemminix li l-Liġi fejn tidħol iċ-ċensura għandhiex tinbidel hu wieġeb li le. Il-kliem eżatt tiegħu: I wouldn’t really go there either.

Dan kollu jfisser li ser nassistu issa għall-kaċċa għall-pubblikaturi u li ser jinġabru mingħandhom it-testi meqjusa oxxeni u jinħarqu waqt xi pelleġrinaġġ ta’ purifikazzjoni nazzjonali?

Fuq kollox, hawn l-impressjoni żbaljata li donnu Vella Gera hu xi eroj li daħħal għall-ewwel darba l-istorja tal-letteratura Maltija fit-territorju pprojbit u għalhekk ħaqqu l-giljottina. Hi veduta miskina ħafna jekk hawn min qed jaħseb hekk u tikkonferma kemm hawn min qed jgħix fis-sħab u kemm hawn min l-istorja letterarja ta’ dan in-nazzjon ċkejken ma jaf xejn dwarha.

Li jistona fil-pożizzjoni ta’ Alfred Massa hu kif hu jsemmi żewġ każijiet fejn ħassu ċċensurat u fl-istess waqt ħareġ iċapċap, japprova u jgħannaq lil min qed jipprova jgħarraq lil Camilleri. Forsi fit-tweġiba tiegħu, Massa jfehemni dan il-paradoss.

Tal-inqas, The Sunday Times fl-istess ġurnata li dehret l-ittra ta’ Massa kellha aħbar li qed nistennew revamp – il-kelma użata mill-gazzetta – dwar iċ-ċensura f-d-dokument dwar il-politika kulturali li għadu kif jgħaddi mill-kabinett.

Sergio Grech

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s