DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 22 TA’ JANNAR 2010.

L-okkażjoni tal-lejla għalija hi okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni tal-ktieb Malti. Tal-identità tagħna. Flimkien qed niċċelebraw sena oħra ta’ pubblikazzjonijiet … sena oħra ta’ kotba … sena oħra ta’ letteratura … ta’ stampar u produzzjoni … ta’ editjar u disinji.

Inħossni onorat inkun magħkom illejla għax nara fikom – pubblikaturi, kittieba, edituri, stampaturi u disinjaturi – importanza kbira. Intom qed iżżommu mhux biss il-ktieb Malti ħaj, iżda – fuq kollox – qed iżżommu ħajja l-identità tagħna bħala poplu. Jgħidu li biex issir taf aktar dwar kittieb m’għandekx taqra l-bijografija jew l-awtobijografija iżda għandek taqra x-xogħlijiet tiegħu. L-istess inħoss li jekk trid issir taf aktar dwar pajjiż … dwar poplu u l-identità tiegħu, għandek taqra x-xogħlijiet tal-kittieba tiegħu. U minn dawn għandna ħafna. Pajjiżna hu għani b’dak li qed tagħmlu intom u dak li għamlu ta’ qabilkom.

Jekk niġbor f’kelma waħda s-sentiment tiegħi lejkom, tkun nammirakom.

Nammira l-ħeġġa tal-pubblikatur Malti, li minkejja s-suq relattivament żgħir ta’ pajjiżna, ikompli jinvesti fil-kittieba u d-disinjaturi tiegħu. Kienu bosta l-okkażjonijiet minn meta ltqajna l-aħħar darba hawnhekk ftit aktar minn sena ilu li fihom kelli l-okkażjoni nara l-ktieb Malti iżjed mill-qrib, fosthom meta żort fieri tal-kotba. Nifhem li mhux faċli tkun pubblikatur. Mhux faċli tirrifjuta manuskritti u tagħżel għal dawk magħżula l-aktar pakkett li jkun jixraqilhom. Ta’ spiss wieħed isemmi kotba kbar u kittieba kbar li jibqgħu mfakkra iżda qajla pubblikaturi kbar. Wieħed jitkellem dwar il-kotba ta’ Dickens iżda ftit jitkellmu dwar min ippubblikahom. U dan jgħodd għall-kittieba kbar kollha. Anke llum. Wieħed jibqa’ jsemmi r-rebbieħa tal-Booker Prize u ta’ premji oħra kbar iżda l-pubblikatur ta’ spiss ma jingħatax il-kredtu li jixraqlu.

Il-pubblikaturi għandhom għażla kbira ta’ kotba u riċerki li jistgħu jippubblikaw. Qegħdin ngħixu fi żmien ukoll fejn għandna żgħażagħ li qed jagħmlu xogħlijiet ta’ riċerka li imbagħad ftit ikunu jafu bihom. Il-Gvern nieda skemi għall-boroż ta’ studju għaż-żgħażagħ tagħna u b’sodisfazzjon ngħid li bbenefikaw madwar 340 student u studenta. Terz minn dawn qegħdin isegwu dottorat. Il-ġimgħa li għaddiet għalqet sejħa oħra għall-boroż ta’ studju u intefgħu 180 applikazzjoni. Il-Gvern huwa kommess li jkompli joffri aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin u se terġa’ toħroġ skema oħra ta’ boroż ta’ studju f’Mejju ta’ din is-sena. Nixtiequ li aktar minn din ir-riċerka tiġi ppubblikata u tkun font għal studenti u riċerkaturi oħra. Nistedinkom tħarsu aktar lejn dawn ir-riċerki li qed isiru.

Għalkemm aħna pajjiż żgħir għandna ħafna kittieba ħabrieka li kull ftit taż-żmien iġeddu l-appuntament tagħhom mal-qarrejja b’xogħlijiet ġodda. Meta niltaqa’ ma’ kittieba bħalkom nifhem kemm mhux faċli li tkun kittieb u fl-istess waqt ikollok twettaq xogħol ieħor. Nifhem is-sagrifiċċju tagħkom biex issibu l-ħin li tiddedikawh għall-kitba, konxji mill-importanza tal-ktieb Malti u tal-letteratura tagħna. Okkażjoni bħal tal-lejla naf li timlikom bil-kuraġġ. Iżda nassigurakom li bħal tal-lejla hemm okkażjonijiet oħra. Hemm il-ferħ li jħoss kull qarrej meta f’wieħed mill-kotba tagħkom isib il-wens. Il-ferħ li jħoss kull qarrej meta permezz tal-kotba tagħkom jiftaħ tieqa fuq dinja ġdida. Meta, permezz tagħkom, jgħaddi minn toroq ġodda, jesperjenza emozzjonijiet li qatt ma jkun ħass qabel u jsib f’kitbietkom dinja li fiha jħossu iżjed komdu. Kultant tkun qed taqra ktieb u tgħid, “ara, – qed jgħid eżatt dak li nħoss jien iżda li qatt qabel ma rnexxieli npoġġi fi kliem”. U l-kittieb isir ħabib mingħajr ma lanqas biss tkun iltqajt miegħu fil-ħajja. Qed tagħmlu lill-pajjiżna iżjed rikk u tkomplu ssaħħu l-identità tagħna.

Mhux kull kittieb sab pubblikatur. Dawn jistgħu jaħsbu li x-xogħol tagħhom se jibqa’ fid-dlam tal-kexxun ta’ kamrithom. Kelma ta’ kuraġġ. Uħud mill-iżjed nies ta’ suċċess fid-dinja kienu l-iżjed nies li ġarrbu l-aktar disfatti. Dan l-aħħar qrajt kif l-ewwel ktieb ta’ Harry Potter ta’ JK Rowling ġie rifjutat 12-il darba qabel ma ġie ppubblikat. U l-istess japplika għal ħafna kittieba oħrajn, li rnexxew għaliex fehmu li hija d-disfatta l-iżjed esperjenza li tgħallmek u ssawrek … li turik x’għandek tagħmel differenti d-darba li jmiss.

Mal-kittieba, ma nistax ma nsemmix lill-edituri u r-reviżuri, li jiflu kull kelma u jaraw li dak li jinkiteb joħroġ fil-pubbliku bl-aqwa mod. Huwa xogħol ta’ reqqa kbira, li tagħraf l-importanza tiegħu meta jkun nieqes … meta jkollok ktieb li għal xi raġuni ma jkunx ġie editjat jew rivedut u tħoss li seta’ kien aħjar. Illum fil-ktieb qed jieħdu aktar importanza l-illustraturi, li kull ma jmur qed tħaddmu għodod ġodda u toħorġu tabilħaqq b’meravilji. Nieħu gost nara ktieb Malti ħdejn ktieb barrani u ma jirnexxilek tara l-ebda differenza f’dik li hi kwalità tal-prodott. U dan grazzi għalikom il-pubblikaturi, l-illustraturi u d-disinjaturi. Xogħol il-kapaċità tal-ħaddiem Malti. Wara l-ktieb Malti hemm ħafna ħaddiema. Irrid li llum insellem lill-ħaddiema tal-istamperiji tagħna. Lil dawk li jmexxuhom u li qed jinvestu f’makkinarju ġdid biex permezz ta’ metodi ġodda ta’ ħidma jagħmlu l-ktieb Malti ktieb rikk, f’kull aspett. U lil dawk li jaħdmu fl-istamperiji tagħna … lil dawk li jaraw il-ktieb fiżiku jieħu l-ħajja quddiem għajnejhom.

Ninnota b’sodisfazzjon il-bosta libreriji ġodda li qed jinfetħu mill-Kunsilli Lokali tagħna, u ż-żieda ta’ kotba fil-libreriji tal-iskejjel u l-libreriji pubbliċi, fejn hemm librara li jieħdu ħsieb jikkatalogaw il-kotba tagħna u li jaraw li l-ebda ktieb ma jitgħarraq, jintrema jew jinqered.

U rridu, anke bħala Gvern, li l-ktieb Malti jkompli jinxtered u jieħu l-importanza li jixraqlu. Anki fost it-tfal minn età żgħira. F’Diċembru li għadda ftaħna l-iskola primarja ġdida ta’ Pembroke. Ingħatat importanza lil-librerija tal-iskola biex din tkun mgħammra bl-aħjar kotba u toffri l-isbaħ ambjent għat-tfal biex tħajjarhom jimirħu aktar fid-dinja tal-kotba. F’Ottubru, jien flimkien mal-mara tiegħi u l-Ministru Dolores Cristina żorna l-iskola primarja ta’ B’Kara. Dħalna f’kamra apposta li tintuża biss bħala literacy room fejn it-tfal tal-kindergarten qed ikollhom l-opportunità li minn età żgħira jibdew japprezzaw il-ktieb permezz ta’ story telling u role plays. It-tfal huma wkoll imħeġġa jieħdu l-kotba d-dar biex jaqrawomlhom il-ġenituri tagħhom.

Is-sena li għaddiet inxtraw aktar minn 120,000 ktieb għall-istudenti fl-iskejjel primarji u sekondarji. Dan ikompli jixhed l-importanza tal-ktieb, minkejja l-era tat-teknoloġija u l-internet. Għal din is-sena, qed nallokaw 100,000 ewro għax-xiri ta’ kotba ġodda għal-librerija pubblika.

Aħna nemmu fil-potenzjal tagħkom u tal-ekonomija tal-kreattività li intom tagħmlu parti integrali minnha. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li l-kreattività hija essenzjali għall-kompetittività ta’ pajjiżna. Dawk il-pajjiżi li kapaċi jiżviluppaw u jsostnu ambjent fejn it-talent kreattiv tal-poplu jkun kultivat huma l-aktar pajjiżi l-aktar kapaċi li jsostnu l-iżvilupp ta’ pajjiżhom. Għalhekk fil-baġit għal din is-sena ħabbarna numru ta’ inċentivi speċifiċi għad-diversi oqsma f’dan is-settur li jinkludi l-ICT, il-films, l-arti u d-disinn kif ukoll performing arts u l-letteratura. Fost dawn il-benefiċċji se nkunu qed inniedu inċentiv fiskali biex kittieba Maltin isibuha aktar faċli li jippubblikaw ix-xogħlijiet letterarji tagħhom.

Qed naħdmu biex inżidu aktar l-inizjattivi favur il-qari. Filwaqt li qed ngħinu biex il-libreriji tal-lokalitajiet tagħna jkollhom il-fondi biex jixtru iżjed kotba u jħajru iżjed nies jaqraw, irridu naraw li minn din il-miżura l-pubblikatur Malti ma jbatix. Irridu djar tal-pubblikazzjonijiet b’saħħithom għax, fl-aħħar mill-aħħar, huma qegħdin iżommu l-ktieb Malti ħaj. Hemm ħafna x’jista’ jsir. Hemm il-komunitajiet kbar ta’ Maltin barra minn Malta li għad m’għandhomx aċċess xieraq għall-ktieb Malti. Hemm ostakli żgħar li rridu nibdluhom f’opportunitajiet sabiex il-ktieb Malti jimraħ lil hinn minn pajjiżna u jilħaq udjenzi ġodda.

Waqqafna l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, apposta biex il-ktieb Malti jingħata l-importanza li tixraqlu. Il-Kunsill qed jagħmel ħafna u minn qalbi nifraħlu. Infurmat bil-bosta proġetti li qed jaħdem fuqhom, fosthom biex il-ktieb Malti jkun iżjed preżenti f’wirjiet ta’ kotba barra minn Malta.

Hemm bżonn naħdmu iżjed fejn tidħol it-traduzzjoni ta’ kotba għall-Malti u mill-Malti. Fondi li l-Unjoni Ewropea għandha għal dan il-għan għandhom jintużaw sabiex jixprunaw iżjed kittieba Maltin jaqilbu x-xogħlijiet tagħhom f’lingwi oħra u jaqilbu x-xogħlijiet ta’ kittieba barranin għall-Malti. It-tradutturi tagħna qed jagħmlu l-Malti lingwa iżjed rikka bit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet kbar barranin. Intom it-tradutturi qed tagħtu lill-poplu tagħna l-possibbiltà sabiħa li jaqra l-klassiċi u l-letteratura barranija kontemporanja b’ilsienna, li jesplora dinjiet ġodda bil-lingwa li għallmuh il-ġenituri tiegħu.

Fid-dinja tal-kotba ma nistax ma nsemmix lill-kritiċi, li għandhom ir-rwol li jagħrblu, li jixprunaw il-kittieba, li jgħinu lill-qarrej jagħżel dak il-ktieb li l-iżjed jolqot il-gosti tiegħu, li jagħżlu t-tajjeb minn dak li hu anqas tajjeb. Mhux faċli tkun kritiku serju f’pajjiż żgħir fejn il-probabbiltà hija li tkun taf lill-kittieb jew lill-pubblikatur personalment. Il-professjonalità tagħkom hija fundamentali.

Il-kritiċi m’għandhomx biċċa xogħol faċli, bħalma nimmaġina li ma kinitx biċċa xogħol faċli għall-ġurija li taqraw tant kotba, probabbli fi żmien limitat, u tagħtu l-ġudizzjoni tagħkom.

Kif qed nagħmlu f’kull settur f’pajjiżna, il-Gvern għandu jkun qrib tagħkom. Qrib il-pubblikatur, qrib il-kittieb, qrib l-illustratur … qrib dawk kollha involuti biex idea tinbidel fi ktieb. Iżjed milli spalla, irrid li l-Gvern tiegħi jkun alleat tagħkom għax il-mira tagħkom u tal-Gvern, fejn jidħol il-ktieb Malti, hija waħda – li l-ktieb Malti jkompli miexi ’l quddiem u biex il-qarrejja tagħna jibqa’ jkollhom l-isbaħ firxa ta’ kotba sabiex jgħallmuhom, jiddivertuhom u biex fihom isibu dak kollu li jkunu qed ifittxu.

Fl-aħħarnett, indur fuq il-qarrej … dak li bil-qari tiegħu jsostni u jappoġġa l-ktieb Malti. Irridu nħajru iżjed qarrejja. Irridu ndaħħlu l-kultura tal-qari kullimkien. Irridu nħajru iżjed qari fuq il-karozzi tal-linja, fil-kafetteriji tagħna, fil-pjazez, il-ġonna u l-bajjiet tagħna. Fuq kollox inħajru iżjed il-qari fid-djar. Tfal li jitrabbew bil-ġenituri tagħhom jaqraw ser jaqbdu ktieb b’idejhom b’mod awtomatiku. Ġenituri li jaqraw lil uliedhom meta dawn tal-aħħar ikunu għadhom ma jafux jaqraw qegħdin jassiguraw li wliedhom jinħabbu mal-kotba sa minn età żgħira. U, fl-aħħarnett, inħajru iżjed familji jibnu l-librerija tagħhom fi djarhom għax kif qal Ċiċerun, dar mingħajr librerija qisha ġisem mingħajr ruħ.

Mill-ġdid, nifirħilkom u nirringrazzjakom tal-impenn tagħkom. Qed twettqu biċċa xogħol mill-aktar importanti fl-iżvilupp ta’ pajjiżna u tal-identità tagħna. Ilkoll kemm intom, u pajjiżna jibqa’ jafulkom għall-ġenerazzjonijiet sħaħ.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s