DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U KULTURA, ZGĦAŻAGĦ U SPORT FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 22 TA’ JANNAR 2010

Għal ħafna, inkluż jien, il-ktieb hu ħabib li ddur lejh f’diversi ċirkostanzi u waqtiet tul il-vjaġġ tal-ħajja. Hemm min fil-ktieb isib serħan mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum. Oħrajn ifittxu l-ktieb bħala l-aħħar ħaġa li jagħmlu qabel imorru jorqdu. Għal ħafna il-ktieb hu għodda biex ikabbru l-għerf tagħhom filwaqt li għal uħud u sempliċi mod ta’ mogħdija taż-żmien. Hi x’inhi r-raġuni, il-ktieb għandu utilita’ kbira f’ħajjitna.

Din hi t-tieni sena li qed nattendi għal din iċ-ċerimonja li fiha nippremjaw lill-awturi u l-pubblikaturi tagħna. Huwa ta’ pjaċir kbir għal kull Ministru tal-Edukazzjoni u Kultura li jkun preżenti għal attivita bħal din li f’dawn l-aħħar snin il-Prim Ministru għoġbu jgħolli l-prestiġju tagħha billi qed jilqana f’Kastilja għal din l-okkażżjoni.

Din l-attivita’ qed tiċċelebra l-aqwa kotba li kienu pubblikati fl-2008 u fiha nfisha hi ċertifikat tal-bravura tagħkom l-awturi u l-pubblikaturi. F’okkazjonijiet bħal dawn, jien ma nieqaf qatt nirikonoxxi din l-attivita kollha li għandna f’pajjiżna, li hi sors kulturali ħaj u qawwi.

Dan il-Premju hu speċi ta’ kompetizzjoni fejn ir-regoli jitolbu li xi ħadd ikun ippremjat u oħrajn le. Jien kelli l-opportunita’ li nara xi ftit minn dawn il-kotba, anki meta jżuruni l-kittieba u l-pubblikaturi, ma nistax ma nikkonkludix li kull ktieb minn dawn li daħal għall-konkors hu rebbieħ. Dejjem jibqa’ lejn xiex wieħed jaspira imma bla dubju l-livell għola ħafna. Il-ktieb sar parti mill-kapaċitajiet tagħna bħala poplu ħawtiel.

Grazzi lill-pubblikaturi kuraġġużi tagħna. F’suq żgħir bħal tagħna irid ikollok dan l-attribut biex tagħmel dan ix-xogħol li jinvolvi wkoll ħafna amor propju mhux sempliċi negozju. Nammira l-kuraġġ tagħkom għax dan mhux negozju bi qliegħ garantit. Ilkoll nifhmu kemm dan hu s-settur fraġli u kemm hu żgħir is-suq Malti. Il-barranin mhux darba jew tnejn jiskantaw li aħna kapaċi noħorġu dawn il-kotba kollha kull sena.

Ħarsa ħafifa lejn l-istorja tagħna turi li minkejja ċ-ċokon ta’ gżiritna, għandna storja letterarja u storja tal-pubblikazzjoni tabilħaqq interessanti. L-eqdem test, kif nafu, hi l-famuża Kantilena. Minn dakinhar, b’intervalli ’l hawn u ’l hinn, bosta Maltin minn Mikiel Anton Vassalli sa Alfons Maria Galea, u awturi kontemporanji, ħadmu biex il-poplu jkollu x’jaqra u llum qed ngħixu f’din ir-revoluzzjoni impressjonanti fejn fis-suq issib diversi ġeneri ta’ kotba kif anki jidher mill-Premju li qed nagħtu l-lum.

Grazzi lill-awturi, grazzi għall-kreattivita’ tad-disinjaturi u l-investiment tal-pubblikatur jkun ġust li ngħidu li Malta għandha xena ħabrieka fil-qasam tal-ktieb. Għandna kittieba bi prodott vibranti u ħaj u diversi riċerkaturi li qed jagħtuna kotba mill-isbaħ ta’ Melitensia. Irrid nirrikonoxxi l-fatt li f’pajjiż bħal tagħna l-kittieba ma jaħdmux għall-flus. Inkoraġġanti per eżempju, l-ammont ta’ kotba ta’ poeżiji li ħadu sehem f’dan il-konkors meta nafu li l-poeżija, u dan mhux f’Malta biss, ma tantx hi rispetata.

F’dan il-qasam tinftiehem il-ħidma tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li bir-riżorsi limitati tiegħu qed jaħdem biex l-interess fil-qari f’Malta jikber imma wkoll biex flimkien, bħala leġislaturi, pubblikaturi, kittieba u l-kumplament, intejbu din is-sitwazzjoni.

Is-sena d-dieħla l-Kunsill ikun ilu għaxar snin li twaqqaf bħala kunċett. Meta l-Kunsill twaqqaf kien intqal li l-għan tiegħu hu li jkun pjan organiku għall-azzjoni. U naħseb li l-Kunsill dan wettqu. L-eżistenza tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb turi biċ-ċar l-impenn tal-Gvern favur il-ktieb.

Maż-żmien, il-Kunsill ħareġ ukoll mit-termini ta’ riferenza dojoq li kellu u qabad truf oħra li jemmen li jistgħu jkunu ta’ ġid għall-poplu tagħna. Hu sabiħ li fuq dan il-Kunsill hemm nies li joħolmu u jemmnu fil-kawża tal-ktieb. Matul dawn is-snin kollha tieħu gost tinnota li fuq dan il-Kunsill, servew diversi personiltajiet li jħobbu l-ktieb u fl-aħħar mill-aħħar inħoss li dan il-Kunsill qed iħalli effett bil-preżenza tiegħu fis-soċjeta’ tagħna.

Persważa li għad fadal ħafna x’isir f’dan is-settur. Irridu nwasslu l-messaġġ tal-validita’ tal-ktieb f’ħajjitna. Irridu nagħtu tabilħaqq dimensjoni lill-letteratura fil-kunċetti ta’ identita’ bħala Maltin. Irridu noħolqu programmi biex il-ktieb Malti jimxi iżjed. Pakketti għall-pubblikaturi biex is-settur jitjieb. Skambji ma’ barra biex nitgħallmu iktar u naqsmu l-esperjenzi.

Sfortunatament illum għad hawn min għadu xi ftit jew wisq xettiku dwar il-ktieb Malti. Għadek issib min jgħidlek li bil-Malti ma jaqrax. Żgur li mhux għax fis-suq m’hawnx kotba bil-Malti tajbin. Ir-raġunijiet huma diversi u llejla mhux il-lok li wieħed jidħol f’dan l-argument, imma naħseb li wasal iż-żmien li ssir kampanja qawwija favur il-ktieb Malti biex dan ikun espost aktar fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba u aktar fl-idejn.

Nemmen li bħali tinsabu entużjasti li l-Gvern fil-baġit ta’ din is-sena ivvota s-somma kbira ta’ Ewro 100,000 bħala kotba għal-libreriji. Żgur li hu pass importanti biex il-poplu jsib materjal validu u intelliġenti x’jaqra. Inutli ngergru li l-poplu ma jaqrax jekk ma jsibx materjal frisk, attraenti u provokattiv x’jaqra. J’alla dan iservi biex iktar nies jitħajjru jaqraw.

Nagħlaq billi ngħid li nħossni sodisfatta li dan il-Premju jew rikonoxximent qed igawdi l-prestiġju li jixraqlu. Ejjew ilkoll naħdmu biex għas-snin li ġejjin, il-premju jkompli jservi mhux biss ta’ inċentiv għall-kittieba u pubblikaturi imma juri kemm il-ktieb Malti laħaq standards li jħabbtuhom ma’ ta’ barra u li tassew għandna għaliex inkunu kburin b’dak li qegħdin nipproduċu, iktar u iktar meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom dawk kollha li qegħdin jagħtu l-kontribut tagħhom għat-tixrid tal-letteratura Maltija.

Nagħlaq billi nawgura li Malta jkollha iktar qarrejja, iktar nies li jixtru l-kotba u fuq kollox iktar kotba sbieħ li jpaxxuna.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s