Ċensura: lejn bilanċ u sinteżi ġdida
Fr John Avellino
23 ta’Jannar 2010

Id-dritt tal-espressjoni ħielsa huwa essenzjali għall-pajjiż. Dan id-dritt għandna ngħożżuh u nkabbruh. Iżda dan id-dritt, bħal kull dritt ieħor, jeħtieġ li jkun eżerċitat fil-parametri ta’ drittijiet oħra li jistgħu jweżnuh, ikabbruh, jew jillimitawh.

Meta ngħidu hekk, ma nkunu qed nagħmlu xejn ħlief li ntennu dak li hemm f’diversi dikjarazzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Id-dritt għall-espressjoni ħielsa mhux dritt statiku. Huwa dritt li jiżviluppa mas-soċjetà. Kien hemm żmien meta kliem iebes dwar nies ta’ razza, lewn u orjentazzjoni sesswali differenti minn dawk tal-maġġoranza, kien aċċettat bħala n-norma.

Illum, fortunatament, dan mhux aċċettat. Illum diversi pajjiżi ffirmaw konvenzjoni internazzjonali biex tqis bħala abbużiv, per eżempju, kliem li jxerred il-mibegħda razzjali. Dak fiż-żmien kien jitqies bħala dritt, issa qed jitqies bħala delitt.

Id-dritt għall-espressjoni ħielsa llum irid jitqies ukoll fid-dawl tat-teknoloġija diġitali li qed iżżid bil-kbir l-aċċess għall-għejjun ta’ informazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin illum minn fuq il-kompjuter tagħhom għandhom aċċess għall-internet, li jiftħilhom dinja li tista’ twasslilhom divertiment, tgħallimhom jew tħassarhom. Huwa fatt magħruf, biex nagħtu eżempju, li mhux ftit huma dawk li jagħmlu użu mis-siti pornografiċi!

Quddiem dawn il-fatti, nilqgħu bil-ferħ li jkollna diskussjoni serja, matura, u bla preġudizzju, dwar kif pajjiżna llum se jħares id-dritt għall-informazzjoni ħielsa, f’bilanċ ma’ drittijiet oħra importanti daqsu, u fl-akbar ħarsien ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

Ikollna, imma, nesprimu d-dispjaċir tagħna li ħafna mid-diskussjoni li qed issir bħalissa fuq dan is-suġġett mhix diskussjoni vera u matura. Hija diskussjoni mibnija fuq ideat konfużi, u ħafna drabi preġudizzji ideoloġiċi.

Jidhrilna li teżisti konfużjoni sħiħa dwar iċ-ċensura u l-passi meħudin skont il-Ligi wara li prodott ikun spiċċa fis-suq. Teżisti l-idea li dawk li jiddikjaraw lilhom
infushom bħala artisti jew kittieba jippretendu, imbagħad, li ma jaqgħu taħt l-ebda liġi. Dawn iħossu li jistgħu jagħmlu, u jgħidu li jridu, f’isem dik li huma jqisu bħala arti.

Dibattitu veru jseħħ biss meta kulħadd jagħraf li fis-soċjetà jrid jinstab bilanċ bejn dik li jrid u jixtieq l-individwu, u l-ħarsien ta’ drittijiet differenti; meta jinstab bilanċ bejn drittijiet u d-dmirijiet. Irid jinstab bilanċ ukoll fil-proċess kollu ta’ strutturi regolamentarji, strutturi awto-regolamentarji u strutturi ko-regolamentarji. Irid jinstab bilanċ ġdid bejn kif kienet is-soċjetà tagħna tal-imgħoddi, kif inhi llum u kif nixtiquha li tkun. Irid jinstab bilanċ li jħares tassew lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, prinċipalment il-minuri.

Id-dibattitu żgur li mhux se jkun wieħed faċli, iżda huwa dibattitu li għandu jsir, illum qabel għada. Jekk isir fil-kalma, b’moħħ miftuħ, imdawwal mir-riċerka li saret barra, ir-rispett sħiħ lejn xulxin, allura hemm ċans li nsibu bilanċ u sinteżi ġdida.

Jekk le, nintilfu f’ħafna akkużi li ma jwassluna mkien, ħlief f’li nkabbru n-nuqqas ta’ rispett lejn xulxin.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s