L-editur fl-inkwiet
Mark Camilleri jitkellem ma’ Gaetano Micallef

Il-pubblikazzjoni tal-istorja “Li Tkisser Sewwi” fir-rivista “Realtà” ġabet fl-inkwiet lill-editur tagħha MARK CAMILLERI (ritratt) tant li fi Frar li ġej mistenni jitressaq il-Qorti akkużat b’tixrid ta’ pornografija. GAETANO MICALLEF tkellem mal-istudent universitarju dwar dak li nqala’ minn meta ddeċieda li jippubblika l-istorja.

X’kienet ir-reazzjoni tiegħek meta Alex Vella Gera għaddilek l-istorja?

Meta qrajt l-istorja l-ewwel darba ma ħaditx bi kbira. Tgħidli “għaliex”?

Għax qabel ma ippubblikajna din l-istorja, fil-ħar­ġa ta’ qabel, konna ppubblikajna poeżija ta’ Charles Grima li kienet tittratta l-Belt u ħdejha dehret tpinġija ta’ Ġesù Kristu lie-bes ta’ qassis b’ballun tal-futbol f’ħalqu. Għamilna hekk għax il-poeżija kienet fuq it-tfal tal-Belt li fil-ħajja tagħhom jew jagħż­lu r-reliġjon jew il-futbol.

U aħna rraġunajna “mela la ħadd ma qalilna xejn dwar din ħadd ma jista’ jgħidilna xejn fuq xejn” …għidna ma tistax tkun aktar provokanti minn tpinġija ta’ Ġesù. Fil-fatt konna żbaljati għax meta ħriġna bl-istorja ta’ Vella Gera nqala dak kollu li ma stennejniex li se jinqala’.

Ma bsartx li se naslu f’dan il-punt. Fejn qatt tobsor? Aħna (Kollettiv Realtà) għaqda indipendenti li nippubblikaw gazzetta indi­pen­denti kemm jista’ jkun mingħajr reklami u mingħajr rabtiet ma’ għaqdiet oħrajn. Ma jfissirx li m’aħniex ‘biased’, għax għand­na bias xellugi, imma liberi li nikkritikaw lill-partiti kollha.

U ma stennejnix li l-għan tagħna se jis­piċċa jkun li niġġieldu ċ-ċensura wkoll kif spiċċajna nagħmlu. Mhux biss għax iċ-ċensura hija ħaġa anakronistika u mhux ta’ żmienha imma għax iċ-ċensura qegħdin inbatu minnha aħna.

Bħala editur tar-rivista kkonsidrajt li lil Vella Gera tgħidlu “le, mhux se nippubblikaha” jew tgħidlu biex ibiddel xi kliem?

Le, le. Ovvjament jekk ikun hemm storja li ma togħġobnix jew nara li fiha m’hemmx mertu letterarju jew artistiku ma nippub­bli­kahiex mill-ewwel imma mhux se mmur ngħid lill-awtur biex ibiddel xi kliem għax lil artist ma tistax tgħidlu “biddel hawn jew biddel hemm” għax inkella tkun qed teqridlu x-xogħol. Lill-artist trid tgħidlu jekk hux se tippubblikahielu jew le.

Meta qrajtha kont naqra xxokkjat. Imma dak il-punt tal-istorja …li tixxokkjak. Rajt li kellha mertu letterarju, ikkonsultajt ma’ xi nies, qaluli li għandha mertu letterarju u artistiku u ppubblikajniha. Mingħajr il-ħsieb li din kienet se taqla’ dan il-‘hassle’ kollu.

Hawn min wera dubji dwar il-valur letterarju tagħha anke jekk xorta qabel li l-istorja ma kellhiex tiġi ċċensurata.

L-argument ta’ dawk in-nies li qegħdin jgħidu li l-istorja m’għandhiex valur lette­rar­ju huwa bbażat fuq il-fatt li l-istorja fiha ħafna kliem ħażin. Imma l-istorja ddur mad­war karattru Malti li jeżisti vera u li huwa mera ta’ kif ħafna rġiel Maltin jitkellmu. Jiġifieri hawnhekk għandek letteratura fittizja, imma fittizja fil-qasam realistiku.

L-għan tal-artist mhuwiex li meta taqra x-xogħol tiegħu tkun komdu mal-kuxjenza tiegħek. L-għan tal-artist huwa li joħroġ dak li jrid jgħid hu. Issa jekk dak li jrid jgħid huwa mera ta’ parti mis-soċjetà allura jrid jagħmel minn kollox biex dak li jagħ­mel jagħmlu b’mod reali.

U għalhekk uża l-kliem oxxen Vella Gera. Għax ħafna Maltin li huma bħall-karattru tiegħu, jiġifieri li jużaw in-nisa għas-sess u ma jafux x’inhi mħabba, hekk jit­kellmu. Għalhekk huma żbaljati dawk in-nies li qegħdin jgħidu li l-messaġġ tie­għu hu tajjeb imma seta m’użax kliem ħa­żin.

M’għaddilekx minn moħħok li kitba bħal din setgħet iġġibek fl-inkwiet?

Le… assolutament xejn… għax kif diġà għidtlek irraġunajna li la aħna għamilna karikatura ta’ Ġesù u ħadd ma qalilna xejn allura nistgħu nagħmlu kollox. Għax ma tistax tmur aktar estrem milli tagħmel karikatura ta’ Ġesù. Imma mid-dehra din ħadd ma nduna biha u ħadd ma qal xejn. Mentri din indunaw biha n-nies u qalgħu l-paniku kollu li setgħu jaqilgħu.

Kif informawk li l-kopja tar-rivista ġiet iċċen­su­rata?

Aħna ma informawna xejn! Ħadd ma qalilna xejn! Stampajna r-rivista u tfajniha fl-Università biex tittieħed b’xejn kif nagħm­lu s-soltu. Imma darba kont qed nitkellem mal-President tal-KSU u f’daqqa waħda qalli “Isma’, għal li jista’ jkun int l-editur tar-Realtà?”. Għidtlu “iva, għaliex?” Qalli “għax ċempilli r-Rettur u qalli li l-gaz­zetta ġiet iċċensurata u neħħejniha mill-Uni­versità għax tiddiskrimina kontra n-nisa”.

Bgħatt imejl lir-Rettur biex nikkonferma dan imma ma bagħtlix lura. Imbagħad erġajna bdejna nħallu aktar gazzetti fl-Università u bdejna naraw il-bidilli tal-Università jaqbdu l-gazzetti u jarmuhom fiż-żibel. Rajniha xi erba’ darbiet din il-ħaġa. U għedna “mela veru dak li qal il-President tal-KSU li qegħdin jarmulna kollox“. Għax qatt ma kienu għamluhilna din.

U l-Università qatt ma qaltilkom xejn?

Ma qalulna xejn lilna! Lir-Rettur staqsej­nih biex jagħtina aktar informazzjoni dwar għaliex għamel hekk. Imma għadna sal-lum il-ġurnata ħadd minnhom ma kellimna.

Ippubblikajt l-istorja biex tattira aktar attenzjoni fuq ir-rivista?

Lanqas xejn! Personalemnt rajtha xokkan­ti l-istorja imma ma rajthiex daqshekk xokkanti li tista’ ddejjaq daqshekk nies. Jien forsi għax inħobb naqra l-letteratura… imma min ma jħobbx jaqra l-letteratura u min jaqrax kotba xi ħaġa hekk se jeħodha b’sorpriża kbira. U għalhekk ħafna nies for­si qegħdin jgħidu li għamilnieha apposta.

Imma min jaqra l-letteratura jaf li dawn l-affarijiet mhumiex affarijiet ta’ barra minn hawn… huma affarijiet normali. Dan it-tip ta’ lingwaġġ ġie miktub barra minn Malta f’diversi kotba imma bid-differenza li din hija bil-Malti. U qatt ma kellna xi ħaġa hekk bil-Malti. Allura issa kulħadd qam fuq sie­qu.

Fl-Università ssib kotba ta’ Irvine Welsh u Marquis De Sade, fejn issib diskors ħafna agħar minn hekk, imma għax miktubin bl-Ingliż drajniehom. Imma kitba bil-Malti ta’ dak it-tip għadna ma drajnihiex. Allura hemm ftit li qegħdin joqomsu. Ftit huma għax nemmen li huma l-minoranza li għadhom jemmnu biċ-ċensura… il-maġġoranza naħseb li ma jaqblux maċ-ċensura.

Kif tħares lejn il-fatt li kienet l-Università li ċċensuratek? Jekk hemm post li għandna nassoċjawh ma’ moħħ miftuħ huwa hemm.

Ir-Rettur għandu sens ta’ ipokrezija kbira f’din. Għax wara d-deċiżjoni li tiġi ċċensurata l-gazzetta tagħna kien hemm raġunijiet ideoloġiċi. Għax jekk ir-Rettur kien konċernat fuq l-illegalità tal-ħaġa mhux jilgħabha tad-dittatur u joħroġ ordni biex jarmilna l-gazzetta… jekk ried jagħmel xogħlu kif sup­post lilna messu tellagħna quddiem bord ta’ dixxiplina fl-Università kif inhi l-pro­ċedura. M’għamilx hekk. Għalhekk hemm raġuni ideoloġika għaliex ġiet iċċensurata l-gazzetta tagħna.

L-SDM (Studenti Demokristjani Maltin) intervistaw lil Norman Lowell fil-kunsens tal-KSU. Daħħlu persuna magħrufa għall-kummenti razzisti tagħha u ħadd ma qalilhom xejn. Għalhekk hemm raġuni ideo­lo­ġika għax aħna ġejna ċċensurati u lilhom ma jgħidulhom xejn.

Għax taħseb li intom Xellugin?

Dik parti minnha. Mhux ir-raġuni kollha imma parti minnha. Li kieku flok konna Xellugin konna tal-Lemin u ppubblikajna xi ħaġa oħra kienu jħalluhielna. Lowell ġie ċċensurat għax inċità l-mibegħda razzjali u naqbel magħha. Għax inti tista’ tikkritika u tuża oxxenitajiet, għax huma affarijiet li per­suna matura tista’ tiddeċiedi jekk hiex tajba jew le, imma meta persuna tinċità lin-nies għall-vjolenza fuq ħaddieħor dik sfaċċatament ħażina.

U m’għandix x’taqsam il-libertà tal-es­pres­­sjoni … dik xi ħaġa li aktar għandha x’taqsam fiha l-vjolenza u s-sens kriminali mis-sens artistiku u letterarju. Hemm baħar jaqsam bejn iż-żewġ affarijiet. Ma jistax jiġi xi ħadd u jgħidli “għax lil Norman Lowell ma tħallihx għax ma taqbilx miegħu u intom orrajt”. Le, mhux għalhekk … Lowell jista’ jgħid li jrid basta ma jinċitax vjolenza kontra l-immigranti jew jgħid li għandna noħorġu għalihom bid-dgħajsa u ngħarrqu­hom jew nisparawlhom. Bilfors irid jiġi ċċen­surat għax il-vjolenza mhux postha.

Il-Pulizija għandhom jieħdu passi kontrik. Kif sirt taf b’dan?

Ġie spettur u ħarrikni. Ħadtha b’redikola ħafna għax qegħdin jakkużawni li xerridt u qassamt il-pornografija kif ukoll li ppubblikajt l-oxxenitajiet. Issa l-artiklu legali jgħid fost oħrajn li jekk xi ħaġa għandha valur let­terarju jew artistiku ma tistax titqies pornografija.

Ma nafx l-ispettur kif jista’ jtellgħani l-Qorti fuq storja fittizja li mhix pornografika … għax min jaqraha jitqażżeż mhux jieħu gost. Għadni qatt ma smajt lil xi ħadd jgħid li ħa gost jaqraha fis-sens sesswali. U għalhekk ma tistax titqies bħala pornografija. Tista’ tgħid li hija letteratura tajba jew li hija letteratura ħażina imma dak argument ieħor. Imma xorta tibqa’ letteratura.

Għandi nitla’ l-Qorti x-xahar id-dieħel. Ħallewha għal dak iż-żmien forsi biex jis­ten­new l-abbozz tal-ministru dwar iċ-ċensura. Imma xettiku ħafna fuq l-abbozz. Għan­di tama li l-Avukat Owen Bonnici jdaħ­ħal abbozz fil-Parlament biex ma jiġux ċen­surati drammi u films. Li għalija huwa żvilupp sodisfaċenti ħafna. Veru li mhuwiex biżżejjed, għax hemm ħafna liġijiet li jistgħu jiġu implimentati biex jiċċensuraw, imma huwa pass ’il quddiem. Nispera li l-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat jappoġġjah u jalla tgħaddi mill-Parlament.

Jiġifieri int ma taqbel mal-ebda ċensura fuq drammi jew films?

Assolutament xejn. Ma naqbilx maċ-ċensura imma hemm linja li ma tistax taqbeż. Ma nistax nitkellem b’ċertu mod li ninċita mibgħeda lejn in-nies. Imma l-kritika, is-satira u l-komiċitià ma tagħmel ħsara lil ħadd. Anzi tajbin għall-iżvilupp tas-soċjetà.

X’kienet ir-reazzjoni tal-istudenti wara l-pubblikazzjoni tal-istorja?

Kien hemm ħafna student li wrew simpa­tija magħna. Aħna kuntenti li wara ħafna żmien fl-aħħar hemm grupp mhux ħażin li qegħdin ikunu motivati politikament fuq din il-kwistjoni.

Politikament mhux f’sens ta’ partiti. Għax qabel dejjem konna naraw l-Università fuq il-gazzetti għal raġunijiet bħall-parkeġġ jew stipendji… affarijiet li aktar jolqtu l-but u l-kumdità tal-persuna milli l-politika. Fl-aħħar hemm naqra movi­ment fl-Università… hemm naqra diskussjoni u dibattitu.

Imma kien hemm studenti li qalulek li l-istorja kienet oxxena?

Dażgur! Kien hemm ħafna studenti hekk. Ma ninsewx li l-Università ta’ Malta mhijiex bħal ħafna universitajiet oħrajn…hija predominament konservattiva. U l-KSU wera biċ-ċar li ma riedx jappoġġjana f’din il-kwistjoni. Erħilu suppost jaqbeż għad-drittijiet tal-istudenti. Irid ikun hemm xi ħaġa li timmotiva lill-istudenti biex ikunu attivi. Din taċ-ċensura immotivat­hom ftit. Forsi ma mmotivathomx biżżejjed imma xorta huwa pass ’il quddiem.

U l-għalliema?

Kien hemm ħafna għalliema li ovvjament kienu kontra imma kien hemm ħafna għalliema oħrajn li kienu favur. Jien kburi u kuntent li d-Dipartiment tal-Istorja minn fejn ġej jien ipprotesta b’mod formali mar-Rettur.

U l-Professur Dominic Fenech, li jmexxi d-Dipartiment, tkellem ħafna dwar din il-kwistjoni. Kburi li dan id-Dipartiment jaqbeż għall-istudenti tiegħu. Imma jiddispjaċini li kien hemm ħafna professuri li lanqas biss semmgħu leħinhom. Bħal Oliver Friggieri. Ma nafx x’inhi l-pożizzjoni tiegħu u ta’ professuri oħrajn.

M’ilux grupp ta’ kittieba sejħu għat-tneħ­ħija taċ-ċensura u l-introduzzjoni tal-klassifikazzjoni minflokha. Taqbel magħha?

Naqbel ma’ bord tal-klassifikazzjoni għax int tista’ tikklassifika l-affarijiet. Tista’ tgħid li ċertu kitba jew drammi huma tajbin għal nies adulti jew li jistgħu jaqrawhom nies li għandhom ’il fuq minn 16-il sena minflok mal-istess kitba jew dramm jiġu iċċensurati.

Imma lanqas ma rridu naħsbu jew nim­ma­ġinaw li l-klassifikazzjoni se ssolvi kollox. Għax il-kultura taċ-ċensura f’Malta mhijiex fil-liġi biss imma wkoll fil-kultura tal-Istat li ġejja minn żmien l-Ingliżi fejn ħadd ma seta jikkritika lill-Gvernatur In­gliż jew lill-Imperu. U għandek ukoll il-fattur tal-Knisja.

Din għadha b’saħħitha u meta niġġieldu kontra ċ-ċensura nkunu qegħ­din niġġieldu wkoll kontra l-ideolo­ġija tal-Knisja fl-Istat għax din għadha maq­għuda ħafna mal-liġijiet Maltin u ma’ kif ħafna burokratiċi jirraġunaw.

L-istorja ta’ Vella Gera u dak li nqala’ wara kif effettwatek?

M’effetwatnix b’mod pożittiv ħafna għax mhux kuntent li qiegħed attiv fl-arena pubblika. Min-naħa l-oħra kuntent ħafna li minħabba dak li ġara hawn dibattitu nazzjonali fuq iċ-ċensura u l-affarijiet qis­hom qegħdin jiċċaqilqu. U bħala għaqda grati li qegħdin insibu appoġġ minn daqs­tant nies inkluż kittieba u politiċi.

Ir-rivista għadkom toħorġuha?

Beħsiebna noħorġu waħda fix-xahar ta’ Frar. Aħna ndumu ma noħorġu bil-gazzetta għax m’għan­dnix ħafna flus u qabel nistampaw­ha naraw li jkollna l-flus f’idejna.

Se jkun hemm xi artiklu provokanti fil-ħarġa li jmiss?

Artikli provokanti mhux se jkun hemm minħabba r-raġuni li m’għandi xejn f’idi ta’ dan it-tip f’idejja bħalissa.

Dan ma jfissirx li m’aħniex se nippubblikaw arti provokan­ti jekk ikollna xi ħaġa tajba f’idejna.

Kieku kellek treġġa’ l-arloġġ lura xorta terġa’ tippubblikaha l-istorja?

Iva, bla dubju. Għax kieku ma nkunx tajjeb miegħi nnifsi.

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=59701

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s