Twieled Awtur Ġdid

F’Novembru li għadda, l-awtur Anton Sammut ippubblika traduzzjoni bl-Ingliż tar-rumanz tiegħu Alte Vestiga. Ir-rumanz ġie mitbugħ fl-2008 u fil-fehma tiegħi kien wieħed mill-aqwa pubblikazzjonijiet ta’ dik is-sena.

Jista’ jkun li Alte Vestiga mhux ħobż għal kulħadd imma bla dubju dan kien rumanz intelletwalment b’saħħtu minn awtur li kiseb il-kunsens tal-kritiċi fosthom Oliver Friggieri, Kenneth Wain u Peter Serracino Inglott. Huwa rumanz li jinfirex fuq kważi 500 faċċata. Il-ktieb hu minbi fuq mitt sena ta’ storja. L-ewwel parti tibda mis-snin 1890 u tinfirex sal-1900. It-tieni parti teħodna għas-snin 1900 u 1920. It-tielet parti ta’ Alte Vestiga teħodna fis-snin 1927 u 1944. L-aħħar parti timxi mill-1963 sal-1990. L-istorja sseħħ fil-Bavarja, fil-Ġermanja. Ħarsa lejn is-snin imsemmija hawn fuq il-qarrejja tagħna jintebħu li l-isfond tar-rumanz huma l-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija, u s-snin 60 li ġabu rivoluzzjonijiet kbar fid-dinja.

Isem ir-rumanz huwa isem kurjuż bla dubju. Naħseb li ħafna qed jistaqsu xi tfisser “Alte Vestiga”. L-awtur innifsu jispjega dan. Alte Vestiga hija kelma Griega li tfisser “fittex fil-fond”. Dan huwa bla dubju rumanz ta’ tiftix: tal-verità, tal-ideal, ta’ tweġibiet għal bosta mistoqsijiet ta’ natura eżistenzjali u anki spiritwali li sikwit jgħawru l-intern tagħna.

Huwa rumanz filosofiku li kif ikkummenta Patrick Sammut fil-blogg tiegħu, “hemm b’hekk il-ġlieda kontinwa bejn il-qalb u l-moħħ, il-fidi u r-raġuni, l-ispirtu u l-materjali. Waħda mill-mistoqsijiet li l-qarrej ta’ Alte Vestiga huwa mistieden jistaqsi hija, “Il-ħajja hija verament assurda, jew wara din l-assurdità apparenti hemm pjan divin li ebda bniedem ma jista’ jifhem? .. Spiss titħaddem il-manjiera dijaloġika li kienet għal qalb ħafna Sokrate. Bosta drabi niltaqgħu wkoll ma’ riferimenti diretti jew indiretti għall-figura ta’ Kristu fuq naħa, u ta’ Nietzsche fuq l-oħra.”

Il-kritiku Patrick Sammut jikkummenta li fuq naħa l-linġwaġġ użat minn Sammut f’Alte Vestige huwa “dinamiku, flessibbli; fuq l-oħra naqraw b’doża qawwija ta’ Malti Taljanizzat (li aktar jintuża fil-kuntest taċ-ċrieki kulturali) meta faċilment seta’ jintuża kliem ta’ nisel Semitiku u li jintuża fid-diskors ta’ kuljum. Imma dan jindika wkoll li l-qarrej ta’ Alte Vestiga jeħtieġ li jkollu bagalja kulturali mdaqqsa, jekk mhux vasta, biex japprezzah sewwa. Niltaqgħu ma’ għadd kbir ta’ riferimenti għal persunaġġi (fosthom pitturi, kittieba, mużiċisti, ħassieba) li ħallew il-marka taghħom fuq il-kultura u l-istorja dinjija. Il-lingwaġġ użat minn Anton Sammut huwa wkoll mera tal-kuntest Ewropew li Malta bdiet tagħmel parti minnu uffiċjalment minn Mejju tal-2004, għalkemm l-għeruq Ewropej imorru lura sekli sħaħ.”

F’intervista li Anton Sammut ta lil Patrick Sammut jistqarr li “L-Alte Vestiga ilni naħsbu ħajti kollha u domt niktbu erba’ snin (proprjament, l-oriġinali kien fih id-doppju bħala volum, imma minħabba raġunijiet varji kelli nniżżlu għal dak li ppubblikajt). Ktibtu permezz tas-skiet u fis-skiet, u meta ngħid fis-skiet, jiġifieri fl-anominat assolut ġaladarba jiena ma jien ħadd; u meta tkun inviżibbli f’għajnejn id-dinja jirnexxilek tara affarijiet li l-“akklamat” ftit għandu probabbiltà li jarahom, ġaladarba jkollu r-rifletturi fuqu.”

L-awtur jistqarr li L-Alte Vestiga ktibtu prinċipalment għall-individwalist, u l-individwalist jista’ jkun kulħadd, basta dak li jkun jaħseb b’moħħu.

Fl-2009, waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, Anton Sammut ippronoa ver\joni Ingliża tar-rumanz li hi iqsar. Ir-rumanz ittraduċieh Alfred Palma.

Palma jispjega lil Sammut kif beda r-rapport bejn it-tnejn: “Jum minnhom, Anton ċempilli u għarrafni li kien ippubblika novella massiċċa bil-Malti, li kien semma Alte Vestiga (kliem Grieg ghal “Fittex fil-Fond.” ) Iżda sa dakinhar ma kontx għadni nafu. Qbadna taħdita twila, li minnha ntbaħt li għad Ii Anton kien żagħżugħ u, bħali, qatt ma kien rifes ebda università, iżda kellu fih baħar impressjonanti ta’ għerf u kultura, li għaġġibni. U meta qalli li xtaq jaqleb ix-xogħol tiegħu bl-Ingliż, għall-ewwel sinċerament, ma kontx se naċċetta minħabba impenji oħra. Il-ktieb kien voluminuż, fuq l-erba’ mitt faċċata…Iżda meta ftit jiem wara ltqajna u għaddieli kopja, u bdejt naqra, tant ix-xogħol għoġobni u saħħarni, li qtajtha li naċċetta li naqlibhulu.”

Bla dubju fix-xenarju daħal awtur ġdid li ħaqqu l-attenzjoni ta’ bosta.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s