Ħarsa lejn uħud mill-Pubblikazzjonijiet li ħarġu fl-2009

L-2009 kienet sena interessanti ħafna għall-ktieb Malti. Minkejja li d-daqqiet tar-reċessjoni internazzjonali imponew il-mewġ qalil fuq l-ekonomija tagħna u ħadd ma seta’ jaħrabhom, wieħed jista’ jikkonkludi li skossi u mhux, l-2009 rat diversi pubblikazzjonijiet li komplew jagħnu s-suq Malti.

Daqqiet kien hemm bla dubju s-sena li għaddiet. Rajna l-likwidazzjoni tal-PEG, waħda mid-djar tal-kotba Maltin ewlenin, il-mewt ta’ Il-Ġensillum li għaddiet għall-verżjoni virtwali u l-għeluq tal-Media Centre li minnha fost l-oħrajn ħarġu diversi titli reliġjużi.

Minbarra l-kriżi internazzjonali, Malta kellha u ser jibqa’ jkollha problema oħra li qatt ma tista’ tingħeleb għal kollox: is-suq Malti hu wieħed żgħir ħafna u fraġli u dan ikompli jikkomplika l-ħajja u l-andament tal-prodott. Għalhekk niżbaljaw jekk ma nagħtux ġieħ lill-pubblikaturi Maltin li jirsistu biex minkejja kollox ikomplu jagħtuna kotba ta’ stoffa. Għalekk jagħmel sens l-argument li l-pubblikatur Malti jeħtieġ l-għajnuna mill-istat kif jiġu megħjuna industriji oħra.

F’dan l-artiklu ser nagħti ħarsa lejn uħud mill-pubblikazzjonijiet tal-2009. M’għandniex xi ngħidu hi għażla suġġettiva ħafna imma fl-istess waqt nemmen li hi indikattiva biżżejjed biex nuru l-mixja b’saħħitha tal-ktieb Malti.

Din is-sena, żgur li kienet waħda impenjattiva għall-Pubblikazzjonijiet Indipendenza taħt id-direzzjoni ta’ Michael J. Schiavone. F’Lulju, il-PIN ippubblikaw id-Dictionary of Maltese Bijographies – xogħol metikoluż ta’ Michael J. Schiavone – li jkopri żewġ volumi ħoxnin sew. Huwa ktieb li jiċċelebra l-ħila tal-poplu Malti. Mifruxa fuq żewġ kotba, niltaqgħu m’għadd ta’ Maltin li taw ħafna lil Malta f’diversi oqsma mill-arti sal-politika, mill-ekonomija sal-isports. Kif ikkummenta Dr Charles Briffa, Schiavone b’dan il-ktieb rnexxielu jibni skyskrejper. PIN ħarġu wkoll Inservi editjat minn Michael J. Schiavone u Leonard Callus. Inservi huwa ġabra ta’ essays f’ġieħ Eddie Fenech Adami minn diversi awturi, politiċi, storiċi, studjużi u kittieba, kif ukoll jiġbor fih għoxrin mill-aktar diskorsi importanti ta’ Eddie Fenech Adami tul il-karriera pubblika u politika tiegħu. Bħalissa għaddejja wkoll it-tieni ristampa tal-ktieb. Minn informazzjoni li għandna diġa’ waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb li saret f’nofs Novembru li għadda, kienu nbiegħu eluf minn dan il-ktieb. Hi ħasra li Fenech Adami baqa’ jinsisti li ma jiktibx l-awtobijografija tiegħu.

Din is-sena rat diversi pubblikazzjonijiet mill-Merlin Library fosthom il-mistenni għeluq tas-sensiela tal-Fiddien: Il-Ġnien tad-Dmugħ, miktub minn Loren Vella u Simon Bartolo li ħareġ wara sena u nofs. Kif kiteb Michael Caruana, ‘meta ħareġ l-ewwel volum, Sqaq l-Infern, fl-2007, bla mistenni dan il-ktieb sar il-fenomenu ta’ bejgħ tas-sena u mhux biss eluf ta’ tfal xtraw u qraw il-ktieb imma kien ukoll suċċess mal-qarrejja adulti. Mal-pubblikazzjoni tat-tieni volum, Wied Wirdien, fl-2008, l-istennija tant kienet kbira li mhux talli t-tnedija kienet ippakkjata, talli ammont ġmielu ta’ fans li ma laħqux invit, iffullaw biex jilħqu kopja tal-ktieb u jkollhom il-firma tal-awturi.’

Sqaq l-Infern kien ukoll rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2007 u ntgħażel biex jirrappreżenta lill-kotba Maltin għat-tfal fil-Fiera tal-Ktieb ta’ Londra tal-2008. Wied Wirdien ukoll intgħażel għall-istess Fiera fl-2009.

L-istess dar tal-kotba matul l-2009 ħarġet ġabra ta’ novelli ta’ Pierre J Mejlak bl-isem Qed Nistennik nieżla max-Xita. Mejlak huwa fost l-aħjar kittieba kontemporanji tal-klassi l-ġdida li għandna llum. Dan l-awtur jerġa’ jidher fil-pubblikazzjoni 45 li fakkret il-45 sena mit-twaqqif tal-Merlin Library. L-2009 rat ukoll itr-ritorn ta’ Clare Azzopardi li ħolqot il-karattru ta’ Jake Cassar. Fil-fehma tiegħi l-iktar ktieb li spikka għall-2009 mil-lista tal-Merlin Library Ltd hu L-Aħħar Ġranet ta’ Ċiorni ta’ Mario Azzopardi li hu eżerċizzju minn barra sa ġewwa ta’ letteratura rara u provokanti għall-adoloxxent. Bħal dejjem Azzopardi, ma jqim lill-ebda beatu u joħloq karikatura tan-nazzjon u ma jonqosx li jifqa’ l-bżieżaq ta’ min qeed jipprova jikkappara għalih l-emozzjonijiet tagħna.

Kienet sena oħra interessanti wkoll għall-Klabb Kotba Maltin u l-Midsea Books. Din id-dar tal-kotba toffri minn kotba ta’ Melitensia ghall-kotba letterarji għal kull età. Il-lista ta’ pubblikazzjonijiet għas-sena 2009 hija waħda twila u impressjonanti. Fost dawn ta’ min isemmi Baroque Painting in Malta ta’ Keith Sciberras li wisq probabbli hu l-aqwa ktieb fis-settur għas-sena 2009, Malta and the Grand Tour ta’ Thomas Freller, Minature Maps of Malta ta’ Albert Ganado u Jewellery in Malta ta’ Francesca Balzan.

Il-KKM tana wkoll diversi pubblikazzjonijiet letterarji bħal Qawmien ta’ Henry Schembri immirat għal min iħobb il-proża ta’ ċertu livell u bosta kotba għat-tfal miktuba minn Ġorġ Mallia, Tony C. Cutayar, Charles Casha, Anita Busuttil u Ivan de Battista. L-iktar titlu li personalment laqatni tal-KKM għal 2009 kienet il-ġabra mingħajr kantunieri tal-awtur Palestinjan Walid Nabhan Lura d-Dar li kif isostni Mario Azzopardi hija ġabra li f’Malta ftit tara bħala. L-awtur ma jonqosx li jiddokumenta l-uġigħ ta’ dan il-poplu.

L-Allied Publications komplew fejn ħallew is-sena ta’ qabel u ħarġu verżjoni Maltija tal-awtobijografija tal-Prof Guido De Marco, Il-Politika tal-Persważjoni; pubblikazzjoni li fl-ilsien Ingliż biegħet 5,000 kopja. L-edituri ħarġu wkoll żewġ kotba interessanti bil-fotografija: wieħed dwar il-kantant Maltija Ira Losco u l-ieħor għażla ta’ ritratti tal-avvenimenti li ddominaw l-2009. Allied Publications ħarġu wkoll Sunset at Mistra Valley: stejjer maqluba għall-Ingliż ta’ Paul P. Borg li hu l-awtur ta’ diversi kotba fosthom Beżgħat, Dal-Lejl ġie Alla u Demgħat, Exploring the Maltese Media Landscape editjat minn Joseph Borg, Mary Anne Lauri u Adrian Hillman u An Introduction to Maltese Financial Services Law.

L-2009 rat żewġ kotba minn Alfred Sant li rtira mill-politika fl-2008 wara l-elezzjoni ġenerali ta’ dik is-sena: L-Għalqa tal-Iskarjota u Pupu Fil-Baħar – Rakkonti u Divertimenti. Il-ktieb aħħari, maħruġ minn SKS, idaħħalna f’qagħdiet u ġrajjiet li aħna lkoll għexna bħalhom, mingħajr ma nkunu ntbaħna bil-misteru u bil-waħx li jissenslu fihom.

F’nofs Diċembru li għadda, il-Malta University Press (MUP), ippubblikat erba’ kotba ġodda; Stħajjiltni Malti ta’ Ġewwa Memorji ta’ Tuneż ta’ Ġuże Cutayar, edizzjoni facsimile ta’ Storia della Letteratura Maltese ta’ Oliver Friggieri, Minutes of the Council of Governemnt of Malta 29th December 1835 to 13th August 1849 ta’ Dr Raymond Mangion u A Bibliography of the David Elyan Collection of Anglo-Irish Literary Works and Manuscripts at The University of Malta Library ikkompilat u editjat minn Mark Camilleri.

Kienet sena interessanti wkoll għall-poeżija fejn rajna fost l-oħrajn pubblikazzjonijiet ġodda minn Andrew Sciberras u Patrick Sammut, Norbert Bugeja u Inizjamed. Fuq kollox, ġiet ippubblikata ġabra ta’ poeżiji ta’ Anton Buttigieg taħt l-isem Alla twajjeb Dejjem miġbura b’ħafna dedikazzjoni minn Anselm Sciberras.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s