Iktar Pubblikazzjonijiet Maltin

F’nofs Diċembru li għadda, il-Malta University Press (MUP), taħt il-presidenza entużjasta tal-Professur Henry J. Frendo, ippubblikat erba’ kotba ġodda; erba’ kotba li bla dubju jaqdu lir-riċerkaturi imma wkoll lill-pubbliku ġenerali li japprezza l-ktieb u l-kisbiet li qed jagħmlu f’dan is-settur il-Maltin minkejja l-limiti imposti mis-suq.

Il-kotba ppubblikati mill-MUP huma Stħajjiltni Malti ta’ Ġewwa Memorji ta’ Tuneż ta’ Ġuże Cutayar, edizzjoni facsimile ta’ Storia della Letteratura Maltese ta’ Oliver Friggieri, Minutes of the Council of Governemnt of Malta 29th December 1835 to 13th August 1849 ta’ Dr Raymond Mangion u A Bibliography of the David Elyan Collection of Anglo-Irish Literary Works and Manuscripts at The University of Malta Library ikkompilat u editjat minn Mark Camilleri.

Għal din il-ħarġa, ser nagħtu ħarsa lejn l-ewwel żewġ titli msemmija u dwar l-oħrajn nidħlu f’iktar dettalji f’ħarġa ‘l quddiem.

Meta Artek Issejjaħlek

Stħajjiltni Malti ta’ Ġewwa ta’ Ġuże Cutayar jippreżenta l-memorji ta’Malti li għex f’Tuneż u Franza imma li qatt ma nesa lil Pajjiż-Omm. Xhieda ta’ dan hu anki l-fatt li l-ktieb tiegħu ta’ memorji sawru u tah forma bl-ilsien nazzjonali; pedament importanti fis-sura tal-Malti.

L-istejjer tal-emigranti tagħna kif juri ktieb bħal dan huma stejjer ta’ suċċess u stejjer li ta’ min ikunu reġistrati għall-posterità u l-istudju. Kif jikteb Cutayar, il-Maltin ta’ barra għandhom ħafna xi jgħidu u jalla jkun hemm kullana ta’ kotba minn dawn. Naf kemm il-Prof. Frendo, iċ-chairman tal-bord editorjali tal-MUP, jemmen f’dan is-suġġett. Hu nnifsu jirriċerka ħafna dwaru. Dan kollu jawgura tajjeb biex suġġett bħal dan jingħata l-importanza li ħaqqu mill-Malta University Press.

Cutayar twieled Tuneż fl-1938 minn ġenituri mis-Siġġiewi. Fl-1959, il-familja tiegħu telqet lejn Franza bit-tama ta’ futur aħjar. Cutayar ħa l-ordni sagri fl-1965. Fl-1983, iżżewweġ lil Evelyne u kellhom żewġ ulied. Ħadem għal numru ta’ snin mal-persuni b’diżabilità.

Ippubblika Parlons Maltais (għat-tagħlim tal-Malti), Dizzjunarju Malti/Franċiż u Franċiż/Malti u ttraduċa għal Franċiż Stejjer għal qabel Jidlam ta’ Oliver Friggieri li kiteb kelmtejn għal dan il-ktieb.

Stħajjiltni Malti ta’ Ġewwa tista’ tgħid li jiġbor fih il-waqtiet l-iktar importanti ta’ ħajtu imma fuq kollox għanja ħelwa ta’ ċelebrazzjoni lil Malta u lill-ilsien Malti. Id-dedika tal-ktieb f’dan is-sens mhix każwali jew biex tkun hemm għall-moda:

Lil omm u lil missieri li għallmuni nħobb u ngħożż Il-Wirt Malti (ittri kapitali mħaddma mill-awtur).

Wieħed mill-iktar waqtiet sinnifikanti fil-fehma tiegħi biex tifhem dan il-kurdun tal-awtur ma’ Malta fil-każ ta’ Cutayar huwa l-episodju meta kien tifel u flimkien ma’missieru pprova jifhem u jispjega ċokon Malta.

Il-missier tah bla dubju l-ikbar lezzjoni filosofika dakinhar:

Meta se mmorru Malta pa?
Tibżax żgur immorru.
Għalhekk daqshekk żgħira l-Gżira tagħna? Kont nistaqsih … Dan iċ-ċokon f’baħar daqsiex?
U kien iwieġeb b’ħafna ħlewwa: Ħalli Malta tkun fil-wisa’ ġo qalbek u ġġorrha kull fejn tmur.

Il-missier jidher li ħalla ħafna impatt fuq l-awtur. Tant li mingħandu tgħallem l-importanza li tħabrek kemm tiflaħ biex tikser il-madmad u l-ktajjen li jżommu l-foqra maħqurin.

Il-ktieb jagħti xhieda ta’ kif kienu jgħixu l-Maltin f’Tuneż fejn kien hemm komunita’ mdaqqsa. L-awtur juri li l-Maltin kienu jgħixu f’armonija ma’ kulturi oħrajn għalkemm ma kinux jinkoraġixxu żwiġijiet bejn l-Insara u l-Misilmin.

Cutayar jargumenta li jekk kien hemm element li kien iżommhom flimkien lill-Maltin f’Tuneż kien l-ilsien Malti. U l-Maltin bnew il-knejjes tagħhom fit-Tuneżija. Kellhom il-patrijiet Maltin. Il-banda Maltija. Il-każin Malti. Il-Kafè Malti. Fl-edukazzjoni tiegħu, ta’ ħames snin, ma naqasx li jħossu biered jekk mhux ostili mal-Franċiż għalkemm tgħallmu malajr. Fil-ġewwieni tiegħu hu kien Malti ta’ veru.

Fi kliemu, “l-ilsien Malti nħossu jdoqq u jgħanni sabiħ fost ilsna oħra.” Cutayar jispjega li billi ħafna mill-Maltin skola ma marrux ma setgħux jitgħallmu xi lingwa. Imma kienu jitkellmu b’Malti idjomatiku aktarx b’bażi Semitika. Meta l-familja Cutayar emigraw lejn Franza, reġa’ ħass lil Malta ssejjaħlu. Filfatt, il-kapitlu jismu lejn xefaq ieħor ‘il bogħod minn Malta.

Ma setax jonqos il-mawriet tiegħu lejn Malta mlewh bil-ferħ għalkemm hawnhekk il-kelma ferħ mhix biżżejjed biex tesprimi dak li kien iħoss waqt kull żjara. Waqt waħda mill-mawriet missieru tah missjoni: agħti sehmek lil din l-art milli tista’. Bħala Malti ma setax jifraħx bl-Indipendennza tal-fortizza Mediterranja u bit-twaqqif ta’ Malta Repubblika.

Hu ktieb dwar Cutayar imma jirrakkonta wkoll felli interessanti mill-istorja tad-dijasfora Maltija.

L-Istorja tal-Letteratura Maltija skont Oliver Friggieri

Il-Malta University Press ippubblikat ukoll edizzjoni facsimile tal-volum La Storia della Letteratura Maltese tal-Professur Oliver Friggieri. Il-ktieb oriġinarjament kien ġie mitbugħ minn Edizioni Spes ta’ Milazzo (Sqallija). Il-ktieb nistgħu ngħidu li jħaddan it-teżi tad-dottorat ta’ Oliver Friggieri.

L-isem Oliver Friggieri bla dubju ta’ xejn huwa magħruf minn dawk kollha li jsegwu l-ktieb Malti. Friggieri ppubblika għadd ta’ kotba kemm f’Malta kif ukoll barra. Fost il-kotba l-iktar popolari tiegħu ma jistgħux jitħallew barra Fil-Parlament ma jikbrux Fjuri, Ġiżimin li qatt ma Jiftaħ, Fil-Gżira Taparsi jikbru l-Fjuri, Mal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel, Il-Gidba u Fjuri li ma Jinxfux.

Friggieri studja fid-dettall lil Dun Karm u ħadem biex il-letteratura Maltija jkollha kritika diċenti tal-kittieba Maltin li hu nkwadrahom fil-perspettiva taż-żmien. Għal Friggieri, kif juri dan il-volum, il-letteratura mxiet mal-istorja tal-ġens Malti li għex il-biċċa kbira minn ħajtu maħkum. Imma l-letteratura ma qagħditx ‘il bogħod li tleħħen il-kawżiet, l-ansjetajiet u l-burdati tal-poplu maħkum. L-istorja tal-letteratura hija l-istorja tal-poplu Malti.

F’din it-teżi, Friggieri jħares lejn il-poeżija Maltija tas-seklu dsatax u jibqa’ għaddej sa żmien it-Tieni Gwerra Dinjija biex npoġġu perspettiva ta’ żmien. Jitlaq mill-versi popolari u jasal sal-kitbiet tas-seklu dsatax. Fis-seklu dsatax, Malta kienet taħt it-takkuna al-Imperu Ingliż u l-Imperu ingliż ma kienx qed jissodisfa dejjem, jekk mhux kważi qatt, ix-xewqat tal-politiċi Maltin iktar sehem fit-tmexxija tal-kolonja. L-Ingilterra kellha l-interessi diplomatiċi, politiċi u ekonomiċi tagħha u l-kumplament xi tħares qabel kull aspirazzjoni politika tal-politiku Malri. Żgur li data importanti kienet l-1839 mets Malta tidħol il-libertà tal-istampa u fl-1849, jidħol il-prinċipju elettiv.

F’ċirkustanzi bħal dawn il-kittieba Maltin ma naqsux li jagħmlu l-pressjonijiet tagħhom. Ġuże Muscat Azzopardi kien qed juża r-rumanz storiku-romantiku biex iħeġġeġ lil Maltin iqumu mill-apatija. L-istess għalkemm bi kliem iktar vjolenti kien qed jagħmel Manwel Dimech bil-gazzetta Il-Bandiera tal-Maltin li ma naqsitx li dduq il-mannara. Interessanti l-kapitlu li fih, Friggieri jevalwa l-impenn poetiku, drammatiku u kulturali tal-l-moviment tar-refuġjati Taljani li kien attiv ħafna u li ma setax ma jħallix l-impatt tiegħu.

It-tielet taqsima tal-ktieb hija ddedikata lil Ġan Anton Vassallo; awtur li sa ċertu punt illum hu minsi imma li ta kontribut vast biex l-identità tagħna bħala poplu ma tintilifx. Kiteb l-istorja. Ħaddem il-poeżija. Aktarx l-iktar poeżija magħrufa tiegħu hi Tifħira lil Malta. Vassallo emmen fil-Malti Semetiku. Friggieri jsejjaħlu bħala l-poeta tal-patrija. Il-volum barra l-impatt ta’ Dun Karm jistudja wkoll l-influwenza li Leopardi ħalla fuq Karmenu Vassallo. Mill-ktieb toħroġ ħafna r-relazzjoni mill-qrib li kien hemm bejn Malta u l-Italja.

Dan il-ktieb kien ilu nieqes mill-ixkafef tal-kotba u bla dubju ser jimla l-vojt li kien hawn.

Mill-Blog tal-Kittieb Patrick J. Sammut

Il-ktieb huwa kumpanija għal min kiber miegħu. Għal min il-ktieb ma kienx parti minn ħajtu sa minn meta kien ċkejken, dan huwa diffiċli ferm biex jifhmu. Il-ktieb huwa ħabib, u jingħata bħala rigal mingħand min huwa verament ħabib tiegħek.

Għal min qed jistenna fi kju li ma jispiċċa qatt hemm il-ktieb biex jgħaddilu siegħa sagħtejn żmien li mingħajru jkun żmien moħli u li ta’ min tinsieh. Għal min jinsab mitfugħ f’sodda għal jiem twal ta’ konvalexxenza, il-ktieb huwa kumpanija leali u li tgħinu jinsa ftit mill-piż tal-waqt. Għal min qed jivvjaġġa fuq tal-linja filgħodu kmieni, jew qed jaqsam il-fliegu lejn ix-xogħol jew lura lejn id-dar hemm il-ktieb bħala kumpanija.

Il-ktieb jgħin lil dak li jkun jinqata’ mll-ħajja ta’ kuljum anki għal ftit waqtiet qosra u jidħol f’dinja oħra, b’personaġġi u b’avventuri oħrajn.

Ktieb verament tajjeb jgħinek tinqata’ mill-istorbju ta’ madwarek u ssib l-ekwilibriju ġewwa fik, minn dak li mhuwiex influwenzat mill-ebda ħaġa esterna. Il-ktieb huwa ħabib li min verament japprezzah jirritorna għalih kull waqt ħieles li jkollu, anki biex isib ftit waqtiet ta’ serħan, ta’ riflessjoni, ta’ sliem.

Ta’ min niftakru li għal dan il-Milied nistgħu nagħtu rigal differenti, rigal li jibqa’, rigal li jista’ jintuża minnek u anki minn dawk ta’ madwarek, u ta’ warajk: mela agħti ktieb bħala rigal.

Mill-ġdid prosit tassew lill-KNK għal din l-inizzjattiva sabiħa tiegħu.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s