Ġabra ġdida ta’ Poeżiji

Għadha kemm ħarġet ġabra ġdida ta’ poeżiji ġodda mill-pinna ta’ żewġ poeti żgħażagħ, Patrick Sammut u Andrew Sciberras. L-isem tal-ktieb huwa Traġitti (2009, 95 paġna, mitbugħ għand il-Five Star Printing and Design Ltd.), u jiġbor fih 30 poeżija ta’ Sammut u 30 poeżija oħra ta’ Sciberras, kollha bil-Malti. Traġitti għandu daħla kritika mill-professur Oliver Friggieri u ritratti tal-fotografu Aaron Bonnici.

Għall-poeżija ta’ Patrick Sammut, Oliver Friggieri sostna li “s-silenzju huwa valutat u skopert bħala kisba aħħarija, aktar milli bħala nuqqas ta’ elokwenza bikrija. Ma huwiex telfa iżda akkwist. Hemm dimensjoni lil hinn mill-kelma, mit-taħdit, u mill-poeżija nnifisha li Sammut jippreferi – anki jekk, paradossalment, huwa jissokta jikteb. Għalhekk din il-poeżija ta’ Sammut tista’ titqies bħala kompromess, soffert u kuntrastanti, bejn il-kitba u n-non-kitba.”

Skont Friggieri, “il-poeżija ta’ Sciberras toffri eżempju tad-duwalità: il-kelma u l-att. Kollox jindika li l-poeta jimraħ fl-ispazju mibni bejn il-kelma miktuba u l-azzjoni mġarrba. Minn ħdan iż-żewġ estremi, kważi nieqsa minn kull ħjiel ta’ konċiljazzjoni bejniethom, huwa jerġa’ jew aħjar jissokta jfittex is-sens, dak kollu li jista’ jispjega u forsi jiġġustifika l-kitba tal-poeżija f’epoka li hi minnha nnifisha post-poetika jew saħansitra anti-poetika.”

Tispikka fil-ktieb il-preżentazzjoni eċċellenti u xi ftit differenti kif drajna li għandu jkun ktieb ta’ poeżija.

Textbooks tal-Malti għat-Tfal

Adrian Muscat u Charles Daniel Saliba, flimkien ma’ Book Distributers Ltd., għadhom kemm niedew tliet Workbook ġodda bl-isem ta’ Malti Għalina t-Tfal immirati għall-ewwel tliet klassijiet tal-primarja. Dawn it-tliet kotba huma parti minn sensiela ta’ kotba li huma mmirati li jkopru s-sillabu kollu tal-primarja. Fil-futur qarib, l-awturi se jniedu tliet kotba oħra, immirati għall-aħħar tliet snin tal-primarja u ktieb addizzjonali li jagħti r-risposti ta’ dawn il-kotba u fl-istess ħin jiggwida lill-għalliema fit-tagħlim tal-Malti. Kontinwament tassisti lill-awturi, kien hemm Maria Grima, għalliema tal-primarja, speċjalizzata fl-ewwel snin tal-primarja. Barra minn hekk l-awturi kienu assistiti minn designers varji biex il-prodott ikun ikkulurit u tal-aqwa kwalità biex b’hekk l-istudenti waqt li jkunu jitgħallmu jieħdu pjaċir. Xħin il-prodott finali kien lest it-tliet workbooks ġew ittestjati minn għalliema differenti , fi skejjel differenti, biex b’hekk il-prodott seta’ jiġi rfinat. Fl-aħħar nett il-prodott ġie moqri minn proofreaders differenti biex ikun hemm ċertezza assoluta li kollox qiegħed aġġornat mal-aħħar regoli tal-ortografija.

Barra dawn it-tliet kotba huma ħarġu wkoll il-ktieb EĊĊELLENTI. Dan il-ktieb jixħet lenti wiesgħa fuq il-lingwa Maltija u dak kollu li lilna jagħmilna Maltin. Huwa maħsub primarjament għal studenti kemxejn adulti li jħossu l-ħtieġa li jitgħallmu l-Malti fosthom tfal ta’ emigranti Maltin imxerrdin madwar id-dinja.

Il-ġeneru tal-ktieb huwa grammatika f’kuntest. Fil-bidu ta’ kull kapitlu, l-awturi għamlu silta varjata li kitbu huma stess. Fost oħrajn is-siltiet huma magħmula minn : novelli, informazzjoni fuq personaġġi, tagħrif fuq ċertu postijiet f’Malta u Għawdex, riċetti, fatti storiċi u artikli fuq s-saħħa. Minn din is-silta l-istudenti li jużaw dan il-ktieb jaslu kważi inkonxjament għal suġġett grammatikali fejn l-awturi mbagħad jagħtu spjegazzjoni u nota fuq is-suġġett trattat. Fl-aħħar ta’ kull kapitlu l-awturi għamlu eżerċizzji varji li qegħdin addattati għal kull età.

Fost l-eżerċizzji nsibu tislibiet, tfittxija ta’ kliem, taħriġ il-fehem, qabbel, agħżel it-tajba, imla l-vojt fl-istampa u oħrajn. L-eżerċizzji huma ggradati b’tali mod li l-istudenti li jużaw dan il-ktieb jieħdu il-massimu li jistgħu. It-topiks trattati f’kull kapitlu jgħinu lill-istudenti adulti jħossuhom komdi li għandhom silta addattata għall-età tagħhom u fl-istess ħin ikabbru l-cultural capital ta’ studenti iżgħar li jkunu xtraw dan il-ktieb biex jagħmlu reviżjoni tal-grammatika bażika u suġġetti oħra, fosthom ftit kultura Ewro-Mediterranja, li minħabba ħafna xogħol fis-sillabi normali tal-iskola, ma tantx ikun hemm ħin biex jiġu trattati fi klassi tas-soltu. Importanti li wieħed isemmi li l-ktieb huwa aġġornat skont l-aħħar aġġornamenti tar-regolamenti tal-ortografija.

Ktieb dwar il-Ġollerija f’Malta

Is-settur tal-Melitensia kompla jikber bil-ktieb Jewellery in Malta: Treasures from the Island of the Knights (1530-1798) ta’ Francesca Balzan. L-awtriċi, li hija l-kuratriċi ta’ Palazzo Falson fl-Imdina, permezz ta’ din il-pubblikazzjoni lussuża, qed tippreżenta pakkett irriċerkat mill-aqwa fuq suġġett li ma tantx ġie trattat qabel.
Fil-ktieb naqraw dwar l-istorja tal-ġollerija Maltija, l-istorja soċjali tagħha u n-negozju nvolut fiha. Balzan qasmet il-ktieb irriċerkat tagħha f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti naqraw dwar l-aspetti storiċi tas-suġġett waqt li fit-tieni taqsima, l-awtriċi tidħol f’ċertu dettall fuq numru ta’ kampjuni partikulari.
Kuntrarju għal dak li forsi naħsbu u kif turi l-awtriċi, il-ġollerija kienet teżisti sa mill-epoka bikrija. Il-propjetarju ta’ dawn l-oġġetti, kif joħroġ sew minn din il-pubblikazzjoni, apparti li jiċċelebra l-apparenza fiżika, ried juri s-saħħa tiegħu. Balzan ma tonqosx li toħroġ il-ġenju tal-ħallieq ta’ dawn l-oġġetti.
Hu ktieb li jagħni l-wirt tal-poplu.

Alfred Palma mogħti Ġieħ ir-Repubblika

Fraħt minn qalbi meta waslitli l-aħbar li t-traduttur u kittieb Alfred Palma ngħata Ġieħ ir-Repubblika. Il-pajjiż ilu jipposponi dan il-pass. Palma ta ħafna enerġija lil-letteratura u l-ktieb Malti. Hu ttraduċa għall-Malti lil William Shakespeare, Dante Alighieri u Oscar Wilde. Bla dubju, tliet għadmiet kbar u kellu ħafna x’jomgħod. Biss biss, it-traduzzjoni tad-Divina Commedia ħaditlu għoxrin sena.

F’kumment li ta lil Patrick J. Sammut, Palma jsostn li “l-vera letteratura għandha tkun primarjament Arti; li tpaxxi kemm lil ruħ l-awtur u kemm lil dawk li jaqrawh. Għandha sservi kemm bħala tagħlim u kemm bħala divertiment. Hi x’inhi l-letteratura: poeżija, drama, traduzzjoni, novella eċċetra fiha għandu jkun hemm messaġġ, l-awtur jagħmel dmiru li jeduka, u l-qarrej għandu jikseb għallinqas xi ftit tal-ġid.

L-Għeneb qed jiswied u Novelli Oħra
Matul il-ħamsa u għoxrin edizzjoni tal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, Agius and Agius niedew il-ġabra ta’ novella L-Għeneb qed jiswied u Novelli Oħra ta’ Carmel G. Cauchi.

Il-qarrejja ta’ din il-paġna wisq probabbli iktar jafu lill-awtur għall-kotba għat-tfal. Cauchi ħoloq karattri bħal Pietru Pitravu, Mastru Gerfex, u Betta Trumbetta li llum saru sinonimi mat-tfal Maltin u għandhom niċċa ewlenija fl-istorja tal-letteratura għat-tfal.

Ma jonqsux imma mill-pinna tal-awtur kotba ta’ poeżija u proża għall-kbar. L-Għeneb qed jiswied u Novelli Oħra hi ġabra ta’ novelli li l-awtur lesta fit-tieni nofs tas-snin tmenin. L-awtur fid-daħla tiegħu isostni li minkejja li għadda ċertu żmien minn fuqhom hu jemmen li “għadhom joffru qari pjaċevoli u fl-istess ħin impenjattiv.” Il-ġabra fiha ħdax-il novella.

Kif ikkummenta Alfred Massa, fit-tnedija ta’ din il-ġabra, Carmel G. Cauchi hu novellier li b’wiċċi minn quddiem nistqarr li nqisu bħala kittieb prolifiku f’oqsma differenti tal-letteratura tagħna … Bhala novellier, mhux l-ewwel darba li Cauchi niżżel ismu fost ir-rebbieħa f’diversi konkorsi; u dan juri, li kritiċi differenti – anki jekk il-kritika hija dejjem suġġettiva – għarfu japprezzaw il-ħila li dan il-kittieb għandu fil-kitba tan-novella.”

Sadanittant, Cauchi nieda wkoll il-websajt tiegħu http://carmelgcauchi.com/ li fiha qed jilqa’ wkoll kummenti dwar il-kotba tiegħu

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s