MALTI GĦALINA T-TFAL / EĊĊELLENTI

Adrian Muscat u Charles Daniel Saliba, flimkien ma’ Book Distributers Ltd., għadhom kemm niedew tliet Workbook ġodda bl-isem ta’ Malti Għalina t-Tfal immirati għall-ewwel tliet klassijiet tal-primarja. Dawn it-tliet kotba huma parti minn sensiela ta’ kotba li huma mmirati li jkopru s-sillabu kollu tal-primarja. Fil-futur qarib, l-awturi se jniedu tliet kotba oħra, immirati għall-aħħar tliet snin tal-primarja u ktieb addizzjonali li jagħti r-risposti ta’ dawn il-kotba u fl-istess ħin jiggwida lill-għalliema fit-tagħlim tal-Malti. Kontinwament tassisti lill-awturi, kien hemm Maria Grima, għalliema tal-primarja, speċjalizzata fl-ewwel snin tal-primarja. Barra minn hekk l-awturi kienu assistiti minn designers varji biex il-prodott ikun ikkulurit u tal-aqwa kwalità biex b’hekk l-istudenti waqt li jkunu jitgħallmu jieħdu pjaċir. Xħin il-prodott finali kien lest it-tliet workbooks ġew ittestjati minn għalliema differenti , fi skejjel differenti, biex b’hekk il-prodott seta’ jiġi rfinat. Fl-aħħar nett il-prodott ġie moqri minn proofreaders differenti biex ikun hemm ċertezza assoluta li kollox qiegħed aġġornat mal-aħħar regoli tal-ortografija.

Malti Għalina t-Tfal 1

L-ewwel ktieb ġie mfassal apposta biex jgħin u jiggwida lill-istudenti u lill-għalliema jkopri s-sillabu tal-ewwel klassi tal-primarja kollu kemm hu. Dan il-ktieb hu mimli bi stampi kkululriti u taħriġ imqegħed f’ċertu ordni, b’mod ċar biex l-istudenti jitgħallmu b’sistema organizzata iżda kreattiva u b’differenza minn tas-soltu! L-eżerċizzji li fih qegħdin imfasslin b’tali mod li jagħmlu enfasi fuq l-aspetti li jbatu minnhom it-tfal f’din l-età. Dan il-ktieb jagħmel enfasi wkoll fuq l-ittri kapitali u fuq il-ħoss tal-ittra f’pożizzjonijiet differenti (quddiem, fin-nofs u fuq wara) ta’ kelma. Wara li l-istudenti jkopru l-alfabett, hemm eżerċizzji varji li sal-aħħar tal-ktieb, l-istudenti jkunu kapaċi jgħaqqdu sentenza/i. Fl-aħħar tal-ktieb hemm werrej li jindika lill-għalliema u lill-ġenituri t-topkis kollha tal-grammatika tal-ewwel klassi u f’liema paġni tal-ktieb qegħdin jiġu tratati.
Fih jinkludi:
 is-sillabu kollu tal-ewwel klassi tal-primarja;
 enfasi fuq il-ħoss tal-ittri f’pożizzjoni differenti;
 enfasi kemm fuq l-ittri żgħar kif ukoll fuq l-ittri kapitali;
 eżerċizzji varji ta’ livelli differenti;
 stampi kkuluriti li jgħinu lill-istudenti u jagħtuhom gost;
 simboli li viżwalment jispjegaw lill-istudenti x’mistenni minnhom fl-eżerċizzji;
 kitba aġġornata skont l-aħħar regolamenti tal-ortografija.

Malti Għalina t-Tfal 2

Dan il-ktieb ġie mfassal apposta biex jgħin u jiggwida lill-istudenti u lill-għalliema jkopru s-sillabu tat-tieni klassi tal-primarja. Dan il-ktieb jirrevedi u jkompli jibni fuq tal-year 1. Billi t-tfal ikunu kibru ftit fl-età, l-awturi adattaw stil differenti. Huma nqdew bil-karattru ta’ Kika (penguin), karattru ta’ annimal li se tiggwida lit-tfal tat-tieni klassi jimxu pass pass biex ikomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom fil-Malti. Għal kull suġġett grammatikali hemm nota tal-grammatika li qiegħda ġo kaxxa kkulurita li tkun ħierġa minn fomm il-pengiun, b’hekk inkonxjament it-tfal jibdew jidraw li din il-kaxxa hi s-sugu tal-lezzjoni! Bħal fil-każ tal-ewwel ktieb, fl-aħħar ta’ dan il-ktieb ukoll hemm werrej li jindika lill-għalliema u lill-ġenituri t-topkis kollha tal-grammatika li ġew trattati u f’liema paġni tal-ktieb qegħdin jiġu tratati.
Fih jinkludi:
 reviżjoni tas-sillabu tal-ewwel klassi tal-primarja;
 is-sillabu kollu tat-tieni klassi tal-primarja;
 noti tal-grammatika;
 eżerċizzji varji ta’ livelli differenti li l-maġġoranza tagħhom huma mqegħdin f’kuntest;
 stampi kkuluriti li jgħinu lill-istudenti u jagħtuhom gost;
 simboli li viżwalment jispjegaw lill-istudenti x’mistenni minnhom fl-eżerċizzji;
 kitba aġġornata skont l-aħħar regolamenti tal-ortografija.

Malti Għalina t-Tfal 3

It-tielet ktieb hu mfassal apposta biex jgħin u jiggwida lill-istudenti u lill-għalliema jkopru s-sillabu tat-tielet klassi tal-primarja. Il-ġeneru ta’ dan il-ktieb huwa grammatika f’kuntest. F’dan il-ktieb it-tfal ukoll huma megħjuna minn karattru. Din id-darba se jkun kelb bl-isem ta’ Pengo, annimal li se jgħidilhom kif għandhom jimxu pass pass biex ikomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom fil-Malti. Fil-bidu ta’ kull kapitlu, it-tfal ikollhom silta miktuba mill-awturi stess, imbagħad ftit mistoqsijiet li jwassluhom għas-suġġett grammatikali. Wara jkollhom it-taħriġ; li huwa veru varju u kreattiv! Wara kull lezzjoni hemm sezzjoni fejn it-tfal jirriflettu ftit x’għamlu (awtoassessjar indirett). Din tgħinhom biex jindunaw fehmux il-lezzjoni jew le. Barra minn hekk fih mind maps li permezz tagħhom l-istudenti jitgħallmu jfasslu l-komponimenti! Bid-differenza tat-tnejn ta’ qablu, dan il-workbook fih żewġ werrejja. Fih wieħed fil-bidu bit-tilti tas-siltiet trattati u fl-aħħar tal-ktieb hemm werrej grammatikali li jindika lill-għalliema u lill-ġenituri t-topkis kollha tal-grammatika li ġew trattati u f’liema paġni tal-ktieb qegħdin jiġu tratati.
Fih jinkludi:

 reviżjoni tas-sillabu tat-tieni klassi tal-primarja;
 is-sillabu kollu tat-tielet klassi tal-primarja;
 noti tal-grammatika;
 eżerċizzji varji ta’ livelli differenti;
 mind maps biex jgħinukom fil-komponimneti;
 sistema t’awtoassessjar biex tara fhimtx jew għadekx tiftakar dak li għaddejt;
 stampi kkuluriti li jgħinu lill-istudenti u jagħtuhom gost;
 simboli li viżwalment jispjegaw lill-istudenti x’mistenni minnhom fl-eżerċizzji;
 kitba aġġornata skont l-aħħar regolamenti tal-ortografija.

EĊĊELLENTI

Barra dawn it-tliet kotba huma ħarġu wkoll il-ktieb EĊĊELLENTI. Dan il-ktieb jixħet lenti wiesgħa fuq il-lingwa Maltija u dak kollu li lilna jagħmilna Maltin. Huwa maħsub primarjament għal studenti kemxejn adulti li jħossu l-ħtieġa li jitgħallmu l-Malti fosthom tfal ta’ emigranti Maltin imxerrdin madwar id-dinja. Madanakollu huwa tajjeb ukoll għal studenti iżgħar Maltin sabiex iwessgħu l-għarfien tagħhom tal-lingwa Maltija fi sfond kulturali kif ukoll permezz ta’ tagħrif ġenerali. Il-ġeneru tal-ktieb huwa grammatika f’kuntest. Fil-bidu ta’ kull kapitlu, l-awturi għamlu silta varjata li kitbu huma stess. Fost oħrajn is-siltiet huma magħmula minn : novelli, informazzjoni fuq personaġġi, tagħrif fuq ċertu postijiet f’Malta u Għawdex, riċetti, fatti storiċi u artikli fuq s-saħħa. Minn din is-silta l-istudenti li jużaw dan il-ktieb jaslu kważi inkonxjament għal suġġett grammatikali fejn l-awturi mbagħad jagħtu spjegazzjoni u nota fuq is-suġġett trattat. Fl-aħħar ta’ kull kapitlu l-awturi għamlu eżerċizzji varji li qegħdin addattati għal kull età. Fost l-eżerċizzji nsibu tislibiet, tfittxija ta’ kliem, taħriġ il-fehem, qabbel, agħżel it-tajba, imla l-vojt fl-istampa u oħrajn. L-eżerċizzji huma ggradati b’tali mod li l-istudenti li jużaw dan il-ktieb jieħdu il-massimu li jistgħu. It-topiks trattati f’kull kapitlu jgħinu lill-istudenti adulti jħossuhom komdi li għandhom silta addattata għall-età tagħhom u fl-istess ħin ikabbru l-cultural capital ta’ studenti iżgħar li jkunu xtraw dan il-ktieb biex jagħmlu reviżjoni tal-grammatika bażika u suġġetti oħra, fosthom ftit kultura Ewro-Mediterranja, li minħabba ħafna xogħol fis-sillabi normali tal-iskola, ma tantx ikun hemm ħin biex jiġu trattati fi klassi tas-soltu. Importanti li wieħed isemmi li l-ktieb huwa aġġornat skont l-aħħar aġġornamenti tar-regolamenti tal-ortografija. Dan il-ktieb tfassal minn żewġ għalliema tal-Malti li għallmu f’diversi Liċej u skejjel Sekondarji, f’Post-Sekondarji u għallmu lil studenti adulti. Huma fasslu u pperfezzjonaw dan il-ktieb bil-għajnuna ta’ Joseph D. Fenech, għalliem li għallem il-Malti għal snin kbar, fi skejjel sekondarji u Post-sekondarji, kif ukoll lill-adulti. Barra minn hekk hu kien jokkupa l-kariga ta’ koordinatur tas-suġġett tal-Malti fi ħdan id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.

Ġieħ ir-Repubblika għall-Alfred Palma u Awturi Oħra

http://www.maltamediaonline.com/?p=18292

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s