Ktieb ieħor ta’ Adrian Mole

Wisq probabli Adrian Mole maħluq minn Sue Townsend hu wieħed minn dawk il-karattri fl-istorja tal-Letteratura Ingliża li ser jibqgħu jgħixu għal dejjem.

Ftit tal-ġimgħat ilu, l-awtriċi għadha kemm ipproponiet Adrian Mole: The Prostrate Years. Il-Penguin kienet ilha twiegħed ir-ritorn ta’ Mole sa mill-bidu tal-2009 u hu meqjus bħala wieħed mill-pubblikazzjonijiet tagħha ewlwnin għal 2009.

Din id-darba niltaqgħu ma’ Adrian Mole miexi lejn l-erbgħin sena, mifni bid-dejn jiġri warajh, miżżewweġ lil Daisy oħt Marigold li darba kellu storja żgħira magħha. Daisy għal ftit taż-żmien kienet għalqet il-ġerħa tal-kapitlu Pandora; it-tfajla ideali.

L-ewwel episodji ta’ Adrian Mole ħarġu fl-1982 permezz tal-ktieb The Secret Diary of Adrian Mole Aged 13¾. Warajh segwew The Growing Pains of Adrian Mole (1985), The True Confessions of Adrian Albert Mole (1989), Adrian Mole: The Wilderness Years (1993), Adrian Mole: The Cappuccino Years (1999), Adrian Mole and the Weapons of Mass Destruction (2004), u The Lost Diaries of Adrian Mole, 1999-2001 (2008).

Is-suċċess ta’ Adrian Mole aktarx jiddependi fuq is-sempliċità tal-karattru li Townsend irnexxileha toħloq; karattru li jixtieq li d-dinja letterarja tagħrfu bħala kittieb kbir. Imma ħajtu donnha kienet iktar ixxaqleb lejn il-fallimenti milli lejn l-episodji sbieħ mimlija bil-kulur: żewġt itfal illeġittimi, fallimenti fl-imħabba u ċaħdiet mill-qasam tal-pubblikazzjoni.

Element ieħor li għen għas-suċċess ta’ Adrian Mole kien dovut għall-fatt li l-awtriċi ma naqsitx li toħloq sitwazzjonijiet satiriċi tal-politika Ingliża u internazzjonali. Ma tonqosx riflessjoni tal-qagħda tal-valuri, il-falliment fir-relazzjonijiet li llum saru parti mill-ħajja tagħna u eżami ta’ kif affetwatna t-teknoloġija. Hemm kritika sottili ta’ kif il-banek iwegħduk is-soluzzjoni għal kollox imma jiekluk fl-istess ħin. Townsend ma naqsitx li toħloq parodiji tan-New Labour Ingliż u pożizzjoni ċara kontra l-gwerra fl-Iraq.

Fattur ieħor li għen għas-suċċess tal-karattru Adrian Mole kien li l-karattru sab appoġġ mill-medja u t-teatru. L-awtriċi kellha l-vantaġġ li l-palk tafu sew għax hi tikteb għall-palk u l-BBC daħal ukoll għal numru ta’ produzzjonijiet.

Il-komiċità li fihom il-kotba huma tipikament Ingliżi u anki fl-iktar waqtiet uffiċjali, bombastiċi u sagri, l-awtriċi tibqa’ toħloq tbissima wara oħra. Ma jonqsux id-drabi li tħossok ser tinfaqa’ inti u taqra bid-daħk.

Il-ħajja ta’ Adrian Mole tintaġgħen mal-karattri buffi, imgerfxa, paranojċi, imħawdin, umoristiċi, grotteski, esaġerati u l-kumplament. Fost il-karattri li jispikkaw hemm ommu u missieru li baqgħu żgħażagħ u li jgħaddu minn diversi divorzji imma jerġgħu dejjem lura fi ħdan xulxin u fi kliem Mole ma jafux jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Hemm Pandora l-mara ideali li għalkemm ħabbitu fil-fażi tal-iskola sekondarja bejniethom imut u jinxef kollox. Hi mxiet fil-ħajja akkademika waqt li hu wasal sal-A Level. Pandora taqbad karriera fil-politika. Tagħżel il-partit ta’ Tony Blair imma tgħix l-opposti tal-kredu Laburista. Pandora tagħti l-opportunità lill-awtriċi biex titfa’ l-ġebel lill-klikka politika.

Nammetti li jien skoprejt il-karattru ta’ Adrian Mole ftit tax-xhur ilu. Mhux għax ma kontx naf bih imma kont dejjem nipposponi u anki għax iltqajt ma’ kotba li ħassejt li ma nistax ma naqrahomx. Imma fi ftit jiem nammetti li nħkimt u ntrikibt minn dan il-karattru. Il-kotba faċli jinqraw u għalkemm jaf ikun hawn min ma jqishomx xi letteratura għolja, bla dubju jagħtu gost. Għax letteratura li ma tagħtix gost x’tiswa?


L-Oxford University Press bi ktieb Uniku dwar l-Istorja tal-Ktieb

Ktieb mistenni ħafna bħalissa minn dawk li jħobbu l-kotba huwa The Oxford Companion to the Book. Dan il-proġett ilu għaddej għal numru snin u fuqu ħadmu seba’ edituri. Dan il-ktieb ser ikun punt ta’ riferenza dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ktieb. Il-ktieb ser idur dawra sew mal-istorja tal-kotba. Coleen Hatrick, li tieħu ħsieb il-pubbliċita tal-Oxford University Press f’kumment li tat lil The Book Seller qalet li sal-lum għadu qatt ma xejn deher bħalu u ser ikun bżonnjuż. Il-ktieb ser ikun mifrux fuq żewġ volumi u ser ikun 51 artiklu dettaljat u 5,160 entratura miktuba minn 400 skular. Il-ktieb ser jinbiegħ £195.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s