Tislima lill-Poetessa tal-Uġigħ

Fil-bidu ta’ Novembru li għadda, id-dinja tal-poeżija tilfet lil Alda Merini. Bla dubju ta’ xejn, Merini kienet esponent vibranti fil-qasam tal-poeżija Taljana u Ewropea. Twieldet f’Milan fil-bidu tas-snin tletin; preċiżament fir-Rebbiegħa tal-1931. Qattgħet xi żmien rikoverata fi sptar tbati min-nuqqas ta’ saħħa mentali. Dak il-perjodu hu mfakkar fil-ġabra ta’ poeżiji tagħha tal-1984 msejħa La Terra Santa. It-tema tal-uġigħ u dik tal-imħabba jiddominaw il-ħin kollu f’Merini. Wieħed jista’ jgħid li kontinwament, il-vrus ta’ Merini iqajmu tempesti ta’ emozzjonijiet.
Merini bdiet tesperimenta bil-poeżija sa mill-eta bikrija. L-ewwel ġabra tagħha La presenza di Orfeo ħarġet fl-1953 u kisbet il-kunsens tal-kritiċi. La Terra Santa huwa meqjus bħala l-iktar xogħol importanti tagħha u bih rebħet il Premio Librex-Guggenheim Eugenio Montale.

Ġabriet oħrajn ta’ poeżija meqjusa bħala kardinali biex tiftiehem Merini huma Testamento, Vuoto d’amore, Ballate non pagate, Fiore di poesia 1951-1997, Superba è la notte, L’anima innamorata, Corpo d’amore, Un incontro con Gesù, Magnificat. Un incontro con Maria, La carne degli Angeli, Più bella della poesia è stata la mia vita, Clinica dell’abbandono u Folle, folle, folle d’amore per te. Poesie per giovani innamorati.
Barra l-poeżija, Merini ħarġet diversi ġabriet ta’ proża: L’altra verità. Diario di una diversa, Delirio amoroso, Il tormento delle figure, Le parole di Alda Merini, La pazza della porta accanto u Aforismi e magie.
Fl-1996, kienet proposta għall-Premju Nobel għal-Letteratura imma ħasra li dan l-unur ma wasalx. Fl-istess sena hija rebħet il-Premio Viareggio. Fl-1997, Merini ħadet il-Premio Procida-Elsa Morante u fl-1999 rċeviet il Premio della Presidenza del Consiglio dei Ministri-Settore Poesia. Il-President Taljan fl-2002 ħatarha Kommendatur tar-Repubblika Taljana. Fl-2007, ingħatat l-Honoris Causa mill-Università ta’ Messina.

It-Tieni Fażi tal-Konkors Letterarju għall-Adolexxenti

Waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb 2009, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport l-Onor. Clyde Puli u l-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Ġorġ Mallia ħabbru li għall-konkors ta’ kitba għall-adolexxenti daħlu 26 manuskritt.

Bla dubju ta’ xejn, dan hu numru sabiħ ħafna u jekk qalb il-kontenut hemm ix-xogħol validu allura jintlaħaq l-għan tal-proġett jiġifieri li jagħti l-opportunità biex fuq medda ta’ snin tiżdied il-letteratura għaż-żagħżagħ u l-adoloxxenti li fil-preżent jinħass in-nuqqas tagħha.

Issa nistgħu ngħidu li se jibda jibda l-proċess l-iktar eċitanti tal-konkors: dak tal-għażla ta’ żewġ testi rebbieħa. Kull wieħed miż-żewġ rebbieħa se jieħu premju ta’ €1,000 u trofew. Se jingħata ukoll premju speċjali lil awtur żgħażugħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena, li jkollu l-aħjar biċċa xogħol ta’ kitba, sakemm dan ma jkunx ħa wieħed miż-żewġ premjijiet ewlenin.

Bla dubju, dawn huma eżerċizzji validi. Jalla minn dan il-konkors, joħorġu vuċijiet ġodda għax b’hekk tistagħna l-letteratura tista’.


Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jiddiskuti ċ-Ċensura

Il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb għandha l-għan li tkun forum ta’ ideat fejn jidħlu l-kotba u l-kittieba. Din mhix biss attività ta’ rutina ta’ bejgħ u xiri. B’dan il-motiv, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jara wkoll li l-Fiera tkun opportunità fejn jitniedu kotba ġodda, fejn ikun hemm diskussjonijiet u dibattiti, attivitajiet letterarji u l-bqija.

Din is-sena kien hemm dibatittu interessanti ħafna li għalih attendiet udjenza konsiderevoli dwar ir-rwol taċ-ċensura f’Malta fil-qasam tal-kitba.

L-aħħar ġimgħat kienu ddominati minn polemika ħarxa li tqajmet fl-Università ta’ Malta u fl-istampa in ġenerali minħabba n-novella Li Tkisser Sewwi ta’ Alex Vella Gera. Il-Kunsill mingħajr ma daħal fil-mertu tal-każ jixtieq li fil-pajjiż ikollna dibattitu sinċier dwar dan is-suġġett.

Panel magħmul mill-Prof. Joe Friggieri, il-pubblikatur Chris Gruppetta u l-kittieb u r-reġista teatrali Immanuel Mifsud iddiskuta dan is-suġġett. Id-diskussjoni kienet immexxija minn Dr Ġorġ Mallia, President tal-KNK.

Skont il-Professur Joe Friggieri, Kap tad-Dipartiment tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, dritt fundamentali miksub wara sekli twal ta’ taħbit u taqbid, jixħet fuq kull awtur ir-responsabbiltà li jiddeċiedi fuq liema naħa jrid li jwieżen kitbietu, jekk hux fuq in-naħa tal-aggressur jew tal-vittma tal-aggressjoni, ta’ min jaħqar jew ta’ min jinħaqar, ta’ min jisfrutta jew ta’ min hu sfruttat, ta’ min jiddefendi d-dinjità tal-bniedem u ta’ kull persuna jew ta’ min jirfisha u jikkalpestaha, ta’ min hu b’saħħtu jew ta’ min hu dgħajjef, ta’ min għandu kollox jew ta’ min jonqsu kollox, ta’ min jippersegwita jew ta’ min hu persegwitat, ta’ min igawdi l-libertà u ta’ min hu mċaħħad minnha.

Il-Professur Friggieri kompla jisħaq li l-awtur irid jiddeċiedi jridx jgħin jew ifixkel il-moviment tal-emanċipazzjoni ta’ min storikament kien minn taħt. Lilhinn miċ-ċensura, l-ebda awtur, l-ebda reġista, l-ebda drammaturgu, ma jista’ jaħrab milli jagħmel din l-għażla, li hija għażla ta’ natura fondamentalment etika.

Joe Friggieri saħaq li l-arti titlob impenn. Fil-ġlieda kontra l-faqar, ir-razziżmu, u kull xorta ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, razza jew twemmin, l-awtur irid jiddeċiedi fejn qiegħed. Min jgħid li m’għandux għalfejn jagħżel diġà qed jagħżel.

Chris Gruppetta bħala pubblikatur sostna li l-iżjed li hi preokkupanti għalih mhix li r-rivista ġiet imneħħija miċ-ċirkolazzjoni ġol-universita’ – għalkemm fil-fehma tiegħu ma jaqbilx – imma li ddaħħlet il-pulizija. Għax skont hu pass bħal dan iqiegħed f’inċertezza kbira x-xogħol ta’ pubblikazzjoni.

Huwa staqsa li jekk se naċċettaw li l-istorja ta’ Vella Gera tiġi ċċensurata, fejn se naqtgħu l-linja? Sostna wkoll li “iżjed importanti min se jiddeċiedi fejn għandha tinqata’ l-linja?”

Il-pubblikatur Chris Gruppetta rrefera wkoll “għal żewġ affarijiet apparentement kontradittorji: hu tal-mistħija li fl-2009 għadna niddiskutu jekk adulti għandhomx ikollhom dritt jaqraw kliem espliċitu; u fl-istess ħin tal-mistħija wkoll li daqstant ftit nies f’awtorità tkellmu pubblikament kontra din iċ-ċensura. Fejn huma l-istqarrijiet tal-awturi, tal-politiċi, tal-akkademiċi? (Naturalment kien hemm l-eccezzjonijiet, imma kienu ftit).”

Fl-intervent tiegħu Immanuel Mifsud sostna li l-università suppost li hija l-post tal-moħħ miftuħ u tad-dibattitu. Malli l-istorja ta’ Vella Gera nżammet intilfet opportunità biex jitqajjem dibattitu fuq jekk dis-silta għandhiex merti letterarji jew le.

Kompla jargumenta li filwaqt li l-università żammet il-kitba ta’ Vella Gera, fil-librerija tagħha hemm materjal ta’ Irvine Welsh li huwa ħafna aktar awdaċi mill-kitba ta’ Vella Gera. Mifsud kompla jgħid li naturalment mhux qed jgħid li għandu jinżamm ix-xogħol ta’ Welsh, imma sostna li “ma jistax nifhem x’inhu li jwassal biex tinżamm silta u titħalla oħra.”

Kompla jgħid li hi stramba kif l-università żammet il-kitba ta’ Vella Gera minħabba biża’ ta’ inċitament għall-mibegħda kontra n-nisa, u ebda mara, jew assoċjazzjoni tan-nisa ma ħarġet tikkonferma dan pubblikament.

Intervent interessanti sar minn Mario Azzopardi. Huwa ġibed l-attenzjoni li suppost li fl-2010 qed niddiskutu l-valur intrinsiku tal-letteratura lokali, u mhux nikkumbattu kontra ċ-ċensura. Hu jemmen li anki jekk kitba ma tkunx ta’ livell, jew kruda, jew sensazzjonalista, għandha l-jedd li tiċċirkola, imbagħad tkun evalwata skont kriterji stretti skont il-kompetenzi ġusti.

Azzopardi jemmen li każ Vella Gera kien maħtuf mill-hekk imsejħa opinion makers u ftit kienu dawk l-awturi jew akkademiċi li ħarġu bil-fehmiet tagħhom. Dan hu każ ieħor, għal Azzopardi, tal-abrogazzjoni tar-responsabbiltà min-naħa tal-kittieba nfushom, li qed jippreferu li jabbundaw l-isfera pubblika. Huwa ġibed l-attenzjoni li kien hemm artikolisti li kitbu dwar il-każ meta lanqas biss qraw il-kitba kontenzjuża.

Mario Azzopardi jemmen li jrid ikun hemm miżura dwar il-linja bejn kitba sesswali ta’ kalibru u kitba ta’ livell baxx. Semma li fl-Ingilterra il-Literary Review ta’ Londra saħanistra tagħti l-Bad Sex in Fiction Award ta’ kull sena, li ilu jingħata mill-1993. Fost dawk li kkwalifikaw għal-letteratura sesswali baxxa u bla gost kien hemm uħud tal-kalibru ta’ John Updike jew Norman Mailer.

Ir-razzjonal wara l-għoti tal-Bad Sex Award hu “to draw attention to the crude, tasteless, often perfunctory use of passages of sexual description in modern fiction and to discourage it”. Bad Sex, saħaq Azzopardi, kemm trid, imma qatt m’hu ċensurat jew ibbannjat.

Fl-għeluq tiegħu, Dr Ġorġ Mallia saħaq li wasal iż-żmien li nifhmu r-realtajiet tas-soċjetà tagħna, mibdula mill-midja li ma nistgħux ninjoraw l-influwenza tagħha, u wkoll li ftit jiswa’ li nikkonċentraw l-għajn kritika fuq qasam wieħed, ilkotba, għax nistgħu nikkontrollawh, meta oqsma oħra li ma nistgħux nikkontrollawhom, bħall-internet, nagħlqu għajn waħda għalihom. Is-soċjetà nbidlet, imma għadna nqisuha kif konnha nagħmlu darba waħda.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s