Ġabra ta’ Poeżiji ta’ Anton Buttigieg

Alla Twajjeb Dejjem hija ġabra ta’ poeżiji ta’ Anton Buttigieg li ġiet imnedija waqt il-ħamsa u għoxrin edizzjoni tal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb li ġiet organnizzata l-ġimgħa li għaddiet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u d-Dipartiment tal-Libreriji f’Dar il-Mediterran. Din il-pubblikazzjoni daħlu għaliha l-familja tal-poeta u bla dubju taqta’ waħda mix-xewqat li kellu l-istess Buttigieg li jara ġabra tal-poeżiji tiegħu.

Din il-ġabra ġiet ikkompilata minn Anselm Sciberras u għandha studju ta’ madwar ħamsin paġna mill-Professur Oliver Friggieri. L-isem tal-ġabra ġie meħud minn waħda mill-aħħar poeżiji tal-poeta. Iben il-poeta, l-Avukat John Buttigieg fit-tnedija tal-ġabra, stqarr li dik il-poeżija missieru kien irregalha lill-Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca meta dan kien mar iżuru waqt li kien marid. Monsinjur Mercieca kien qara l-poeżija mbagħad fil-funeral tal-poeta u b’hekk il-poeżija ġiet salvata. Hi poeżija ta’ żewġ versi biss imma bla dubju fihom ċerta saħħa:

Alla twajjeb dejjem,
l-aktar meta jiġi biex jaqta’

Din il-poeżija sa ċertu punt tista’ titqies ukoll bħala testment il-poeta.

Sciberras jispjega li dan il-proġett twieled meta l-Għaqda Mużikali San Gejtanu fakkret il-
ħamsa u għoxrin anniversarju mill-mewt ta’ Anton Buttigieg li kien President tal-banda imsemmija bejn l-1955 u l-1983. Dakinhar il-familja kienet stednitu biex jidħol għal dan il-proġett. Il-kompilatur jistqarr li hu għandu ċertu mħabba lejn il-poeta u kull meta jaqra l-poeżiji tiegħu, xi ħaġa li hu jagħmilha spiss, dejjem isib xi ħaġa ġdida. Sciberras jistqarr li l-poeżija ta’ Buttigieg jħossha “balzmu.” Stqarrija bħal din bla dubju tissiġilla l-impenn u d-dedikazzjoni tal-kompilatur biex sar dan il-proġett li mhix intrapriża faċli.

Buttigieg fuq livell ta’ poeżija kien attiv mhux ħażin u dan jixhdu l-fatt li ħareġ bosta ġabriet ta’ poeżiji u hawhekk il-qarrej japprezza kemm selezzjoni bħal din ma kinitx faċli. Wara mewtu, l-SKS – għalkemm mhux fl-immedjat – ħarġu L-Isbaħ Żmien ta’ Ħajti li fil-verità hu awtobijografija fejn Buttigieg kien qed jikteb mingħajr ma jdur mal-lewża dwar is-snin ħamsin u sittin u fil-parti ta’ wara nġabru l-aħħar poeżiji tiegħu u l-KKM ħdax-il sena ilu ppubblika l-ħajki ta’ Buttigieg fil-ġabra Żibeġ u Boċċi. Il-ħajku kien stil ta’ poeżija li tista’ tgħid li daħlu hu f’Malta u bla dubju ċerta daqqa tal-imgħallem tinħass. Maż-żmien sab poeti oħra li anki ħadmuh.

F’ġabra bħal din ma setgħetx tkun assenti il-poeżija Niftakar; dik li fil-fehma tiegħi hi waħda mill-aqwa poeżiji ta’ Buttigieg u waħda mill-aqwa poeżiji tal-fażi tal-poeżija romantika f’Malta. Hija poeżija li mill-ferħ tmur għal-luttu u tinbena fuq xibka ta’ emozzjonijiet jagħlu. It-tessut tagħha mhu kumpless xejn imma minn taħt għaddejja forġa tikwi ta’ sentimenti ħorox. Il-firda l-poeta jesprimiha bl-iktar mod b’saħħtu meta jżeffen fin-nofs il-baħħ; kelma b’erba’ ittri biss imma li fiha tifsira u resonanza qawwija. Din is-sensittività jista’ biss jgħaddiha poeta li fi klien Buttigieg hu ‘bniedem privileġġjat’ li l-iktar iħoss ‘l-immensità tan-niket.’ Fil-ġabra niltaqgħu wkoll mal-Kebbies tal-Fanali li dan l-aħħar ġiet ukoll immużikata minn Domnic Galea u kantanta minn Doreen Galea. Dawk li bħali fil-klassi kellhom Id-Denfil jiftakru f’poeżija L-Astrononawta li fiha Buttigieg jirrimarka u jistagħġeb wkoll dwar kif il-ħajja nbidlet u nqalbet ta’ taħt fuq u skont hu ‘iddejqu ż-żgħażagħ mingħajr xejn ġdid.’ Niftakar personalment b’ċerta nostalġija l-poeżija dwar id-dgħajjes tal-latini li fiha l-poeta jpinġi akwarell stupend ta’ dan il-mezz tat-trasport li llum għeb għal kollox.

Bla dubju, din il-ġabra ta’ poeżija għandha tkun għand dawk kollha li jħobbu l-poeżija u għand dawk li jridu jiskopru s-setgħat tal-kelma li bla dubju kellu Buttigieg.

Il-ktieb fih ukoll diversi ritratti minn fażijiet differenti tal-poeta.

Bla dubju l-proġett li jmiss huwa ġabra sħiħa tal-poeżiji kollha ta’ Buttigieg. Il-kompilatur għandu l-appoġġ kollu tagħna.

Il-Bibbja Tiegħi

Għal Anselm Sciberras, din il-fiera żgur li ser jibqa’ jiftakarha. Minn barra l-ktieb li semmejt hawn fuq, ħareġ ukoll ġabra ta’ novelli bl-isem Il-Bibbja Tiegħi li jien kellha x-xorti li nikteb daħla għaliha. F’din il-ġabra, b’isem sa ċertu punt stramb, jiltaqgħu sett ta’ karattri li lkoll kemm huma għandhom isem bibbliku għalkemm mhux dejjem hemm paralleliżmu mal-persunaġġ Bibliku f’dik li hi ħajja.

In-novella jew l-istorja qasira, u dan it-terminu qed nużah b’ħafna skruplu u biex nissimplifikaw l-argument għax dwar dan tista’ tikteb teżi sħiħa, hija ġeneru li ssaħħar lil bosta. Biżżejjed tara kemm il-ġeneru nħadem f’epoki differenti. Fuq kollox, il-kelma storja għandha seħer fuqna lkoll, immaterjali mill-età anki f’din id-dinja ddominata mit-teknoloġija u l-medja.

Iktar mal-id tal-ħallieq tan-novella, tkun imħarrġa, iktar il-prodott ser jagħni, ipaxxi u jagħti gost. Għax fl-aħħar mill-aħħar, kuntrarju għal li jsostnu xi wħud, il-letteratura qiegħda hemm biex tiġġenera l-gost. Dak hu l-isbaħ kumpliment li jista’ jirċievi test letterarju. Test li jagħti gost ma jfalli qatt.

L-ekonomija fil-kliem, il-mod kif kelma tintuża, il-ġrajja jew is-sitwazzjoni maħluqa, jew in-nuqqas tal-ġrajja jekk l-awtur ser jimbarka fuq dik l-istrateġija, jagħżlu test u awtur minn ieħor. Kull awtur għandu l-‘formula’ tiegħu u l-kreattività qatt m’għandha limiti. Fin-novella awtur għandu eżami biex jibrilla. Biżżejjed tara x’għamel bin-novella Gabriel Garcia Marquez biex ikun ikwotat eżempju wieħed.

Xhieda ta’ kemm il-ġeneru hu apprezzat hu l-fatt li l-Kullana Kulturali tal-PIN ddeddikat volum sħiħ għan-novella u korrettament sseparatu mir-rumanz jew mill-kotba għat-tfal. Fil-Malti għandnatorja tabilħaqq wiesgħa ta’ dan l-istil u fi ħdan il-ġeneru hemm il-varjetà fl-istil. Imma kollha għandhom element komuni: il-bniedem.

F’dan il-kwadru jiftiehmu n-novelli ta’ Anselm Sciberras. Dawn huma novelli li ma jħallukx biered. Kultant fihom ħafna teatrilità u movient. Xi drabi forsi huma drammatiċi. Żgur li hemm l-ironija u l-paradoss. Uħud minnhom iqallbu l-intern psikoloġiku u kumpless tal-bniedem u jtgħelluh fil-wiċċ. Xi drabi tħoss xilja kontra l-bniedem. Sciberras għandu stil tajjeb li jekk ikompli jaħdem fuqu żgur ser jagħtih ħafna sodissfazzjon. Dan mhux it-tmiem tal-vjaġġ imma l-bidu. Għax kttieba ma jieqaf qatt jixxennaq biex jittempra lilu nnifsu.
Nistqarr li hi ġabra li tatni gost u tama.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s