Ta’ Min Hi l-Letteratura Maltija?

Għajr fir-retorika tal-okkażjonijiet, ikollna nammettu li f’ħafna mumenti l-letteratura Maltija mhi “tagħna” xejn. La tal-kittieba u wisq anqas tal-qarrejja. La tal-pubblikaturi u wisq anqas tal-kritiċi. Għax id-deċiżjonijiet dwarha jittieħdu minn ftit nies u mhux minna. Din hija storja antika daqskemm hija storja dejjem ġdida.

Il-letteratura Maltija hija ta’ dawk, fil-Knisja u l-Istat Malti (li sikwit jixbhu lil xulxin) li jiddeċiedu x’għandhom jiktbu l-kittieba u x’għandhom jaqraw il-qarrejja. Inevitabbilment, jiddeċiedu wkoll x’għandhom jippubblikaw il-pubblikaturi u x’jistgħu jikkritikaw il-kritiċi. Għax jekk jiddeċiedu li ktieb, jew storja, jew poeżija ma toħroġx ikunu qegħdin jistabbilixxu n-natura nfisha tal-letteratura li aħna mingħalina li hija “tagħna.”

Inti tkun mingħalik qed tagħmel għażla ħielsa dwar dak li tikteb u dak li taqra, imma fil-fatt id-deċiżjoni jkun ħadha għalik ħaddieħor, u f’ismek, deċiżjoni magħmula bil-konvinzjoni, jew bil-prepotenza, inevitabbilment ġenwina, ta’ min jaf x’inhu tajjeb għalik iktar minnek, ta’ min huwa iktar matur minnek u l-komunità tiegħek, ta’ min idawwar il-vit tal-letteratura Maltija.

Il-kritiku tal-arti Dominic Cutajar fisser tajjeb ħafna l-qagħda tal-arti u l-kultura f’Malta tas-seklu 19 meta fisser kif “ir-relazzjonijiet kordjali” bejn l-amministrazzjoni kolonjali u l-awtoritajiet tal-Knisja “produced an inward-looking culture compounded of obscurantism and reactionary political attitudes that intellectually insulated Maltese society from the dynamic of growth of European culture.” Inbidlu l-affarijiet mis-seklu 19?

Ħafna mill-istejjer dwar dan il-kontroll fuq x’jinkiteb u x’jinqara ma joħorġux fil-pubbliku. U f’dan l-ambjent, iridu jew ma jridux, l-ikbar sarima ma’ ħalq il-kittieba jagħmluha, min ftit u min ħafna, il-kittieba u l-pubblikaturi nfushom. Min lest jagħmel is-snin jaħdem fuq rumanz li ma joħroġx għax ma jgħaddix mill-vit tal-moralità letterarja? Mhux aħjar twarrab ċerti temi jew ċertu diskors u ma ddardarx l-għajn li tixrob minnha? Għax l-għajn tal-letteratura Maltija tinsab lilhinn minnha, u lilhinn minna, fil-kuruturi tal-poter ta’ din id-dinja. Ġrajja wara l-oħra tas-seklu 20 u anki tas-seklu 21 hekk juruna.

L-awto-ċensura hija kwistjoni importanti li teħtieġ trattament għaliha. Imma biex nieħdu ħjiel ta’ kif tiffunzjona anki fl-iktar imħuħ liberi nistgħu naqraw “A Chat with my Censor” tal-ġurnalista u awtriċi Slavenka Drakulić fil-ktieb How We Survived Communism and Even Laughed (1987). Drakulić tirrifletti dwar dak li nnutat fl-imġiba tagħha stess fil-Jugoslavja komunista wara li ċemplilha ċ-ċensur tagħha biex jagħmel appuntament magħha. “What was important was the time between his call and our meeting, when I began to examine myself, to search for my errors, to look at my life through his eyes, to interrogate myself as my censor would. […] The guilt I’m talking about is not a question of facts but of their interpretation.” Jekk titkellem mal-kittieba Maltin f’Malta u barra minn Malta jgħidulek affarijiet simili.

Ir-rwol tal-kittieba huwa li jiktbu, tal-qarrejja li jaqraw, tal-pubblikaturi li jippubblikaw, u kulħadd jaf li jrid jerfa’ r-responsabbiltà, quddiem il-komunità, tal-għażliet tiegħu. Ir-rwol tal-awtoritajiet ċivili huwa dak li jiddefendu d-dritt ta’ dawn in-nies li jagħmlu l-għażliet tagħhom f’ambjent seren, li ma jħallu lil ħadd jheddidhom jew jikkastigahom talli ma obdewx id-digrieti li pprova jimponi fuqhom. L-awtoritajiet ċivili jridu jiddefendu d-dritt tal-espressjoni tal-artisti (u l-pubblikaturi) mingħajr ma jħossu l-bżonn, jew wisq inqas id-dmir, li jaqblu ma’ dak li qed jinkiteb jew jinqara.

F’soċjetà li fiha hemm min irid jiddeċiedi għalik x’taqra, x’tikteb, x’taħseb, ir-rwol tal-Università huwa determinanti. Għax ħafna soċjetajiet jqisu l-Università bħala spazju intellettwali dinamiku ewlieni li fih uħud fost l-iktar imħuħ attivi tal-pajjiż u lilhinn jisfidaw is-sewwa magħruf ta’ żmienhom u “l-ordni” stabbilit għax kapaċi jieħdu l-għarfien tal-bnedmin lilhinn mill-konfini inevitabbilment limitati tal-għarfien f’mument partikulari tal-istorja. Jekk anki hawn xi ħadd jiddeċiedi minn qabel x’tista’ taqra, x’tista’ tikteb, x’tista’ tiddiskuti, dik x’università hi? Tas-sarima u tal-għamad? Il-futur huwa inkatinat mal-“veritajiet” ta’ ftit individwi, ta’ ċertu passat? L-opinjoni tagħhom hija importanti, mela le: Imma l-opinjoni tagħhom biss? L-Università xogħolha “tikkonferma” ċerti veritajiet, jew xogħolha tfittex il-veritajiet b’perspettiva ta’ 360 grad?

Kittieb Irlandiż li studja l-Università ta’ Oxford u li kien Malta f’dawn l-aħħar ġranet qalli li każ bħal dak tar-rakkont ta’ Alex Vella Gera ma kien jinqala’ qatt f’Oxford jew Cambridge (biex insemmu żewġ universitajiet ivvenerati fil-Malta postkolonjalista tagħna). Qalli wkoll li fl-Irlanda jirrispettaw lill-kittieba tagħhom, anki meta ma jaqblux magħhom. Imma Malta mhix l-Irlanda u l-letteratura Maltija, aħna li niktbuha u naqrawha, mhix tagħna.

Adrian Grima

Dan l-artiklu ġie ppubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd, 8 ta’ Novembru, 2009, tal-gazzetta Illum.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s