“PUPU FIL-BAĦAR – MILIED, FANTAXJENZA, BIDLA FIL-KLIMA

Hekk kif tinsab riesqa l-Fiera tal-Ktieb, qed jiżdied l-interess mill-pubbliku fid-Dar Editriċi l-SKS. Din tinsab għaddejja fl-istess żmien minn proċess kbir ta’ espansjoni u tiġdid. Wara aktar minn seba’ u għoxrin sena ta’ ħidma kontinwa fil-qasam tal-edizzjoni, l-SKS qed timmodernizza u twessa l-lista ta’ titoli ta’ kotba li tippubblika, biex jersqu dejjem aktar lejn il-gosti kontemporanji tal-qarrejja. L-SKS qed tlesti wkoll sistema ta’ tagħrif u ta’ kuntatt mal-qarrejja u kittieba tagħha per mezz ta’ websajt ġdid u innovattiv, li mistenni jidħol fuq l-internet kmieni s-sena d-dieħla. Sadattant, għall-Fiera nnifisha, bħala bidu ta’ dil-ħidma, l-SKS se tkun qed tippubblika l-ktieb ġdid fjamant ta’ Alfred Sant “Pupu fil-Baħar – Rakkonti u Divertimenti”, ktieb li hu wkoll qed iqajjem interess mhux żgħir.

Fih il-qarrejja se jsibu tnax-il rakkont ta’ Alfred Sant li għadhom qatt ma dehru. Bħal tista’ tgħid il-kotba kollha ta’ Sant, ir-rakkonti juruna sitwazzjonijiet li niltaqgħu magħhom illum jew għada, u ma’ karattri li jirriflettu r-realtà Maltija. Fir-rakkont li jagħti ismu lill-ktieb, jinstab pupu kbir mitluq fil-baħar taħt moll mimli jottijiet tal-miljunarji. Il-mistoqsija li tqum qabel jaslu l-puluzija hu jekk dak li hemm jgħum f’wiċċ il-baħar billejl, hux pupu tassew jew katavru.

F’ “Pupu fil-Baħar”, Alfred Sant iżomm l-impenn tiegħu biex ir-rakkonti li jinseġ jipprovdu wkoll divertiment sħiħ lill-qarrejja tieghu. L-istess impenn kien werieh fir-rumanz li ħareġ aktar kmieni dis-sena “L-Għalqa tal-Iskarjota”, li nħataf u issa sar diffiċli ħafna biex takkwista kopja tiegħu. Bħal f’dak ir-rumanz, ir-rakkonti tal-ktieb il-ġdid ta’ Sant maħruġ mill-SKS jippreżenta stejjer fejn il-waħx, id-daħk u l-avventura jitħalltu flimkien, xi kultant b’riżultati sorprendenti.

Fit-taħlita ta’ ġrajjiet u rakkonti, “Pupu fil-Baħar” ma joqgħodx lura milli għal kull storja jagħtik tnejn. Per eżempju skont l-SKS, illum hi ħaġa mistennija li f’ġabra ta’ rakkonti ikun hemm storja tal-Milied u storja fuq il-fantaxjenza. Fil-ktieb il-ġdid ta’ Sant, fi storja waħda nsibu kemm ġrajja tal-Milied u kemm ġrajja ta’ fantaxjenza. Terġa’ l-istess rakkont li jismu “Ulva – l-Aħħar Milied” jitkellem ukoll dwar il-problemi li jinqalgħu meta tinbidel il-klima, tema oħra li tinħass importanti f’ “Pupu fil-Baħar” għax tinqala’ matul ir-rakkonti mill-anqas tliet darbiet. Hi l-problema ta’ ekoloġija li qed tikkonċerna dejjem aktar bil-kbir lill-bniedem modern.

Biss ir-rakkont “Ulva” jeħodna fil-pjaneta tal-istess isem, miljuni ta’ snin fil-futur, fejn joqogħdu l-umantċki, ir-razza li l-bnedmin inbidlu fiha matul is-sekli, u fejn għadhom qed jiċċelebraw il-Festivall tal-Milied. Ir-rakkont ilaqqagħna mar-residenti umantċki tar-reġjun li jismu Ur-Malta, u li forsi ġejjin mill-umani li qabel kienu joqogħdu Malta. Imma l-pjaneta Ulva tinsab taħt theddida kbira għax il-klima qed tinbidel bil-għaġla u b’mod perikoluż għal kull ħajja.

Mar-rakkonti l-oħra, “Ulva” joffri tiżwiqa liema bħala ta’ temi u ta’ divertimenti. L-SKS jemmnu li bħal ma ġara bl-aħħar żewġ rumanzi ta’ Alfred Sant – “L-Għalqa tal-Iskarjota” u “La Bidu, La Tmiem” – “Pupu fil-Baħar” se jerġa’ jqanqal interess li ma bħalu fost il-qarrejja Maltin u Għawdxin.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s