DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT SERATA FL-OKKAŻJONI TA’ GĦELUQ IT-TMENIN SENA TA’ PAWLU MIZZI, FIL-MUŻEW TAL-ARKEOLOĠIJA, VALLETTA. IT-TLIETA, 27 TA’ OTTUBRU 2009

Fl-istorja twila tiegħu, storja ta’ fatti imma wkoll ta’ aspettattivi, il-bniedem fittex sa mill-bidu, u sa żmienna, mezzi ġodda biex jesprimi ruħu u jirreġistra l-għarfien u l-esperjenza tiegħu.

Il-bniedem jiddependi għal kollox mill-memorja. Iż-żmien jgħaddi u jħalli warajh il-bżonn li dan kollu jkun irreġistrat.

Waħda mill-invenzjonijiet il-kbar tal-bniedem kienet, u llum naħsbu li se tibqa’ dejjem, il-ktieb. Bis-saħħa tal-ktieb il-bniedem irnexxielu jiftakar, jirreġistra u jaħżen kulma huwa kien kapaċi jiskopri. Bil-ktieb huwa jista’ jmur lura fiż-żmien, jirrevedi l-azzjoni tiegħu, jitgħallem mit-tajjeb li għamel u wkoll mill-iżball. Bis-saħħa tal-ktieb il-bniedem jasal jifhem u anki jirrevedi. Jinduna. Naqblu lkoll li l-ktieb hu preċiżament l-art soda li fuqha setgħet tinbena kull prospettiva ġdida f’kull qasam tal-ħsieb u tal-azzjoni umana.

Xejn inqas minn pajjżi oħrajn, u bħal pajjiżi oħrajn, Malta wkoll għandha l-istorja dinjituża tagħha marbuta mal-ktieb. Kienet x’kienet matul is-sekli l-lingwa magħżula għall-espressjoni, qabel ma l-lingwa tagħna saret kif jixraq l-ilsien nazzjonali ta’ stat indipendenti, ħafna Maltin ħassu l-bżonn li jesprimu ruħhom bil-kitba, bi ktieb dwar suġġett jew ieħor, u bħala rigal permanenti ħallew warajhom il-ktieb tagħhom. Dan il-ktieb li ħallew warajhom huwa l-isbaħ kumpliment li setgħu jagħmlu lilna, il-Maltin ta’ warajhom, iċ-ċittadini ta’ pajjiż li kien u għadu jistrieħ fuq l-unika riżorsa naturali li għandu: il-Maltin stess, il-moħħ għaqli tagħhom, il-ħsieb li huma jesprimu u jissiġillaw eventwalment fil-forma ta’ ktieb.

L-istorja tal-ktieb ta’ Malta hi tassew vetrina interessanti. Fil-kotba Maltin, miktubin mill-Maltin skont il-kompetenzi differenti tagħhom, hemm merfugħ id-dehen tagħhom. Fil-Biblijoteka Nazzjonali tagħna, li huwa ċ-ċentru tal-ispirtu Malti, hemm jinsab maħżun u valorizzat is-sens għaqli li skoprew niesna ta’ qabilna u li huma kienu kapaċi jiktbuh u jħalluh f’forma li setgħet tasal sa għandna llum.

Huwa għalhekk bl-istess mod dmir nazzjonali tagħna li naraw li l-ktieb tal-Maltin tal-lum jgħaddi u jinżamm għal għand il-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna. Parti kbira mill-fiduċja personali, tal-fiduċja fihom infushom, ta’ wliedna u ta’ wlied uliedna, tinsab preċiżament fil-fatt li dawn il-Maltin ta’ għada jistgħu jiftaħru li nieshom ħallewlhom patrimonju ta’ kliem.

Ninsabu fl-era diġitali, fejn l-aċċess għall-elettronika u l-informazzjoni maħżuna b’mod elettroniku tinsab il-ħin kollu magħna, fil-but tagħna permezz tat-telefon. Madanakollu dan l-avvanz teknoloġiku ma naqqas xejn mill-ħtieġa tal-ktieb stampat. Għalhekk, anki fl-iskejjel tagħna filwaqt li qed inżidu l-aċċess għat-teknoloġija qed naraw li jkun hemm libreriji tajba. Fi skejjel primarji għandna wkoll Kindergarten Literacy Rooms, biex l-imħabba għal kotba tibda miċ-ċokon. Anki fuq livell lokali, il-Kunsilli Lokali jiġu mħeġġa u mgħoddija r-responsabbiltà tal-libreriji biex iqarrbu aktar il-kotba lejn ir-residenti.

B’dawn il-ħsibijiet quddiemna llum qed niċċelebraw għeluq it-tmenin sena ta’ Pawlu Mizzi, il-fundatur tal-Klabb Kotba Maltin li matul tant snin, b’mod konsistenti u serju, ta lil Malta tant kotba ta’ tant awturi differenti, fuq suġġetti vajri. B’hekk kompla jinfetaħ l-ispazju okkupat mill-ktieb Malti.

Huwa ħadem fis-settur tal-ktieb Malti billi wera fiduċja fil-kapaċità tal-moħħ Malti, ta’ kull min fehem li seta’ jagħti kontribut fl-iżvilupp tal-kultura verbali, miktuba tagħna l-Maltin. Tant kotba li huwa ppubblika matul medda ta’ tant snin turi qabelxejn il-fiduċja tiegħu fil-moħħ Malti, imħaddem fl-oqsma kollha tal-atttività. Minbarra l-kwantità tassew kbira ta’ kotba u pubblikazzjonijiet oħra li huwa ppreżenta lill-poplu Malti, hemm ukoll il-fatt li huwa fittex li jwessa’ dejjem aktar id-definizzjoni tal-ktieb Malti, li huwa l-ktieb miktub f’kull kundizzjoni u f’kull settur tal-esperjenza umana.

Il-ktieb Malti huwa l-ktieb li jittratta kull suġġett, kull tip ta’ kompetenza li hija reġistrata fil-forma tal-ktieb.

Din hi okkażjoni sabiħa li fiha nirringrazzjaw u nsellmu lill-awturi u lill-pubblikaturi kollha ta’ pajjiżna, kemm dawk li taw sehemhom fl-imgħoddi u kemm dawk li qegħdin jagħtu sehemhom fi żmienna. Insellmulhom u nirringrazzjawhom ilkoll għall-kontribut tassew siewi li qegħdin jagħtu lill-membri kollha tal-komunità Maltija, kemm f’Malta u kemm f’kull rokna tad-dinja fejn hemm il-Maltin. Il-ktieb Malti żgur kien u għadu wieħed mill-mezzi li bihom il-komunitajiet Maltin f’pajjiżi oħra komplew iżommu rabta ma’ Malta. B’din iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla irridu wkoll nagħrfu l-kontribut li għandu l-ktieb fil-proċess tal-ħsieb, fl-iżvilupp tad-demokrazija, fit-tkabbir taċ-ċiviltà, fil-ħolqien ta’ ambjent li huwa dejjem aktar kolt, prudenti u responsabbli. Dawn huma l-garanziji li joffrilna lkoll il-ktieb, u għalhekk nagħrfu li l-kontribut tal-kittieba kollha huwa dejjem kontribut politiku, kulturali, soċjali u morali.

Nittamaw li nkomplu naraw l-iżvilupp tal-ktieb Malti f’kull direzzjoni, f’kull aspett tal-ħsieb u tal-esperjenza: mill-qasam reliġjuż sal-qasam storiku, mill-isport sal-bijografija, mill-kċina sal-arti, mil-letteratura sax-xjenza … kull settur li jkompli jrendi lill-ktieb Malti dokument ta’ eżistenza sħiħa.

Nifraħ minn qalbi lil Pawlu Mizzi f’għeluq it-tmenin sena tiegħu, waqt li nirringrazzjah għall-kontribut kbir li huwa ta lill-kultura Maltija, u nittama li dan il-patrimonju jkompli jsib l-apprezzament veru ta’ kulħadd, ta’ kull min huwa konvint li kull żvilupp jibda qabelxejn mill-iżvilupp tal-ħsieb.

Insellimlek, u nixtieqlek ħafna aktar ħidma b’risq il-ktieb u dak kollu li l-ktieb jirrappreżenta.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s