‘BLIET’, L-ANTOLOGIJA L-GDIDA TA’ NORBERT BUGEJA, ISSA TINSAB GHALL-BEJGH MILL-HWIENET TAL-KOTBA EWLENIN.

IT-TNEDIJA TA’ ‘BLIET’ SE SSIR NHAR IL-GIMGHA, 11 TA’ DICEMBRU FIT-8PM FIL-KAMRA TAL-MUZIKA TAL-KAVALLIER TA’ SAN GAKBU, IL-BELT. INTOM ILKOLL MISTEDNIN SABIEX TATTENDU.

BLIET – Xbihat mill-isbaħ ta’ ruħ urbana

Il-poeżija ta’ Norbert Bugeja (1980) tirrappreżenta l-ġenerazzjoni ġdida li qed tikteb il-poeżija bil-Malti fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin. Norbert jikteb dwar persuni differenti ħafna minn xulxin huma u għaddejjin b’ħajjiethom f’għadd ta’ bliet u fl-irħula li jsawru l-Mediterran. Il-poeżija tiegħu taqbad fiha l-faxxinu tal-vjaġġ, it-tiftixa għall-istejjer mhux tas-soltu li jinsabu moħbijin wara l-ħitan ħoxnin, is-sqaqien it-toroq u l-wesgħat ta’ l-ispazju urban – sew jekk hija belt antika mehdija fi skietha, kif ukoll jekk hi triq mgħobbija bi ġrajjiet jgħajtu huma u jfittxu l-hena u s-serħan.

Il-proġett ‘Bliet’ għalhekk jibda mis-silenzji li jsawru l-ibliet, sew dawk li ngħixu fihom ta’ kuljum kif ukoll dawk li ngħixu mitt darba aktar fina nfusna. L-ewwel is-skiet perfett, il-ħemda li twaħħxek f’nofs il-pjazza, is-sikta tar-ragħwa li tibqa’ tistaqsi hi u tinxef ġo tazza tal-birra f’nofs każin, il-ħarsiet bla kliem li jittawlu mit-twieqi bħal qtates għassiesa għall-avventura li jmiss. Imbagħad toħroġ l-ewwel frażi, eku ta’ ġrajja li f’moħħ xi ħadd ingħexet diġà. Imbagħad ftit ftit tintqal kelma oħra, bis-serqa, tnejn, tlieta, erbgħa. Imbagħad tisplodi l-poeżija.

Fl-introduzzjoni estensiva li kiteb ghal ‘Bliet’, il-kritiku u poeta Dr Adrian Grima jgħid li ‘hemm enerġija mqarba f’dawn it-toroq u l-imkejjen ta’ Norbert Bugeja. L-istejjer f’dawn il-poeżiji “tilmaħhom” jiġġerrew bla kwiet fix-xaqq seduċenti bejn il-lingwa stabbilita li qiegħda hemm, kullimkien, tittawwal lejk mingħajr ma tista’ taħfinha bħalma taħfen b’għajnejk lil xi ħadd f’kantuniera, u l-lingwa stramba li jikkrea Norbert Bugeja b’intwizzjoni ġenjali li tixhed, fl-istess waqt, emozzjoni qawwija u kalkolu lingwistiku distakkat.”

‘Bliet’ m’huwa xejn ħlief vjaġġ ma jaqtax f’kull rokna ta’ l-ispazji li ngħixu fihom, għajdut miktub fi xbiha wara oħra li, bħal kull għajdut mirqum bis-sengħa, jaqtagħlek nifsek u jistiednek tfittex u dduq u tieħu aktar u aktar. Bugeja ma jħalli xejn bla mimsus. ‘Bliet’ hi storja miktuba fuq seba’ snin, djarju tar-ruħ urbana li se jdawrek mat-turġien, il-fdaljiet, l-isqaqien, il-kumplessi kummerċjali, l-areni, ix-xmajjar u l-bajjiet, is-skiet ta’ barra u l-ġenn ta’ ġewwa. Mill-Belt sa Cordoba, minn Ruma sa Sevilja u Tanġier, mill-Birgu tal-moħħ sad-Diju Balli tar-ruħ, ‘Bliet’ hi sensiela ta’ ritratti meħuda b’reqqa kbira u maħduma fi xbihat li mhux faċli li tinsihom. Insomma, awtopsja ta’ l-intern imħallat, ħiemed u kaotiku tal-belt.

BLIET. Il-ġrajja tibda hawnhekk. U se tieħdok fejn se teħodha. U se tieħdok fejn ma tridx.

Il-vjaġġ it-tajjeb.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s