Messaġġ mill-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Dr. Ġorġ Mallia għall-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb 2009

Meta l-kittieb famuż Amerikan Mark Twain sar jaf li bi żball kienu ppubblikaw l-obitwarju tiegħu fin-New York Journal, jingħad li qal “The reports of my death are greatly exaggerated.”

U jien nemmen b’qalbi kollha li l-istess nistgħu ngħidu dwar il-ktieb. Ħafna ilhom snin ikantawlu l-agunija, jgħidu li se jinbidel minnħaba f’dik il-ħaġa jew f’dik il-ħaġa l-oħra. U tassew li l-alternattivi għall-ktieb huma ħafna f’dawn iż-żminijiet, imma l-ktieb ma mietx. U lanqas mhu se jmut għalissa.

Din il-fiera, naħseb, hi xempju ħaj ta’ dan. Fiha eluf kbar ta’ kotba, ħafna minnhom bil-lingwa ta’ pajjiżna li, ċkejken kemm hu ċkejken, xorta għandu sew biex jiftaħar b’dak li joħroġ mid-djar tal-pubblikazzjoni tiegħu. U l-fiera jiġu jarawha eluf kbar ta’ dawk li żgur li ma jemmnux li l-ktieb miet jew li xi darba se jmut.

L-istorja tal-imħabba mal-ktieb hija waħda twila u li jħossuha ħafna. U ġaladarba tħossha, taħkmek għal għomrok. Għax il-ktieb hu wisq aktar minn kollezzjoni ta’ karti stampati, ippakkjati ġo qoxra mlewna. Il-ktieb hu għajn ta’ għerf, ta’ divertiment, ta’ fantasija. Jisseduċik u jkaxkrek miegħu. Naħseb li ftit huma dawk li għandhom din l-imħabba għall-ktieb li mhux qed jifhmu sew dak li qed ngħid.

Imħabbti għall-ktieb ilha hemm ħafna. Meta kont tifel il-ktieb kien solljiev mir-realtà kultant ħarxa li t-tfulija taf tagħti. Kien ħarba mill-monotonija tar-rutina. Kien post fejn stajt ngħix l-avventuri li kienu aljeni għall-ħajja “ta’ veru” tiegħi daqs ir-ramel aħmar tal-pjaneta Mars. Stajt ngħum fil-fantasija li ma kinitx taf ħitan, u li kissret il-ktajjen li xekklu l-immaġinazzjoni. Stajt intir, nidħol f’dinjiet sigrieti minn bibien moħbija, u nħoss f’kamarti x-xemx issaħħan ta’ pajjiżi ’l bogħod u eżotiċi.

F’żgħożiti l-ktieb ħa tifsira ġdida, hekk kif skoprejt minnu l-ħsibijiet ta’ dawk li bidlu d-dinja. Dawk li bdew l-ideoloġiji, u fissru x-xjenza. Dawk li qanqlu r-rivoluzzjonijiet u dawk li żergħu l-paċi. U magħhom dawk li ħolqu l-letteratura – miżgħuda bl-allużjoni, farfett ta’ stili, taħfen il-ħajja u l-ħolm fil-qabda tagħha.

U l-ktieb għex miegħi sa rġuliti. Qed nikteb din ġo kamra miksija sas-saqaf bil-kotba, li jagħtuni bħal wens bil-preżenza tagħhom.

Jikkunslawni li m’iniex waħdi, għax madwari hemm il-ħsibijiet, l-arti, il-ħolqien, ta’ eluf ta’ persuni li tefgħu ħajjithom fil-kotba – mimlijin emozzjoni u raġunament.

Dawk li jżuru din il-fiera tant għażiża għall-Maltin, persważ, iħossu l-istess. Hija fiera li ilha tiġi organizzata ħafna snin – ġrajja ewlenija fil-kalendarju kulturali Malti.

L-organizzazzjoni mhix bla diffikultajiet, għax il-prezz tal-kultura wkoll jogħla, bħal kull ħaġa oħra, imma d-dedikazzjoni tal-organizzaturi, l-għajnuna tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, l-appoġġ ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (dal-post bellezza li fih issir il-fiera kull sena), u l-entużjażmu tal-esibituri jgħinuna naslu kull sena. Din is-sena wkoll. U r-riżultat hu festa tal-ktieb, li kulħadd jista’ jgawdi minnha, u li minnha jgawdi wkoll il-ktieb. Li altru mhux mejjet. Jgħix f’kull wieħed u waħda mill-qarrejja, li jistagħnew mill-konoxxenza.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s